Alex Borg fi Brussell għas-Summit tal-PPE
AĦBAR

Alex Borg fi Brussell għas-Summit tal-PPE

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum ingħaqad mal-mexxejja l-oħra Ewropej membri fil-familja politika tal-Partit Popolari Ewropew għas-Summit tal-PPE fi Brussell li sar ftit sigħat qabel beda jiltaqa' l-Kunsill Ewropew.

Il-Kap tal-PN iltaqa’ wkoll ma’ diversi mexxejja Ewropej u qabel is-Summit kellu taħditiet mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum ingħaqad mal-mexxejja l-oħra Ewropej membri fil-familja politika tal-Partit Popolari Ewropew għas-Summit tal-PPE fi Brussell li sar ftit sigħat qabel beda jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew.

Dan kien l-ewwel Summit tal-PPE li fih ħa sehem Alex Borg wara l-elezzjoni ġenerali. Il-preżenza tiegħu fi Brussell turi li l-Partit Nazzjonalista, mill-ewwel jiem ta’ din il-leġiżlatura ġdida, qed ikompli jaħdem biex Malta u Għawdex ikollhom vuċi qawwija u rispettata fil-qalba tal-politika Ewropea.

Matul is-Summit ġew diskussi l-prijoritajiet ewlenin quddiem il-Kunsill Ewropew, fosthom is-sigurtà u d-difiża Ewropea, il-kompetittività, it-tkabbir tal-UE u r-rwol tal-Ewropa f’dinja dejjem aktar instabbli.

Alex Borg kellu wkoll laqgħat ma’ mexxejja li kienu preżenti għal dan is-Summit, fosthom il-President tal-PPE Manfred Weber u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Dan kien ukoll l-ewwel Summit tal-PPE għall-Prim Ministru ġdid tal-Ungerija Péter Magyar.

Qabel beda s-Summit, il-Kap tal-PN kellu wkoll taħditiet mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fl-uffiċċju tagħha fil-Parlament Ewropew. Huma ddiskutew kif se jkomplu jaħdmu biex il-PN ikompli jissaħħaħ, anke fuq livell Ewropew. Roberta Metsola indirizzat ukoll is-Summit tal-PPE aktar tard.

F’dawn il-laqgħat, il-Partit Nazzjonalista kompla jwassal il-prijoritajiet ta’ Malta u Għawdex fi ħdan il-familja politika Ewropea li jifforma parti minnha. Il-Kap tal-PN saħaq fuq il-bżonn li Malta tibqa’ attiva fid-diskussjonijiet Ewropej dwar il-kompetittività, is-sigurtà, l-investiment, il-ħolqien tax-xogħol, u l-ħarsien tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-preżenza ta’ Alex Borg f’dan is-Summit tpoġġi lill-Partit Nazzjonalista fuq l-istess mejda ma’ Kapijiet ta’ Stat u Gvern li jinkludu diversi Presidenti, Prim Ministri u Kapijiet tal-Oppożizzjoni minn madwar l-UE li l-partiti li jmexxu kollha jiffurmaw parti mill-akbar grupp politiku fl-Ewropa. Dan minbarra mexxejja Ewropej oħra u rappreżentanti ewlenin tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Partit Nazzjonalista daħal għal dan il-kapitlu politiku ġdid b’mandat ċar li jkun Oppożizzjoni b’saħħitha, responsabbli u kredibbli, kemm f’Malta kif ukoll fuq livell Ewropew.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li Malta għandha tkun preżenti fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, b’vuċi ċara, serja u determinata favur l-interess nazzjonali.

Għas-Summit, Alex Borg kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN u Deputat tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.

18.06.2026