Għawdex għandu bżonn Nifs Ġdid illum: Gvern Nazzjonalista jinvesti bis-serjetà fl-infrastruttura, fil-konnettività u fis-sigurtà
AĦBAR

Għawdex għandu bżonn Nifs Ġdid illum: Gvern Nazzjonalista jinvesti bis-serjetà fl-infrastruttura, fil-konnettività u fis-sigurtà

Il-Kap tal-PN Alex Borg fil-Munxar: Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lil Għawdex l-importanza li jistħoqqlu b’Port tal-Imġarr akbar, sptar ġdid ta’ 400 sodda, breakwater f’Marsalforn u ġustizzja aktar qrib in-nies

Il-Kap tal-PN Alex Borg fil-Munxar: Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lil Għawdex l-importanza li jistħoqqlu b’Port tal-Imġarr akbar, sptar ġdid ta’ 400 sodda, breakwater f’Marsalforn u ġustizzja aktar qrib in-nies

Għawdex ma jistax jistenna aktar elezzjonijiet jgħaddu. Għandu bżonn Nifs Ġdid illum. Gvern Nazzjonalista se jagħti dak in-nifs b’investiment serju fl-infrastruttura li tħalliet għal riħha, fil-konnettività li ntesiet f’dawn it-tlettax-il sena u fis-sigurtà li naqset f’Għawdex.

Waqt attività politika bis-sehem tal-kandidati tal-PN fuq it-tlettax-il distrett illejla fil-Munxar Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li Għawdex ma jistax jibqa’ jistenna li tkun ġejja elezzjoni ġenerali biex il-Gvern jiftakar fih. Huwa sostna li l-Għawdxin ilhom wisq jisimgħu wegħdiet dwar proġetti kruċjali għalihom bħal dawk fil-konnettività, fis-saħħa u ħafna oħrajn.

Semma l-wegħda tal-isptar għall-Għawdxin, il-Masterplan għax-Xlendi, il-Qorti ta’ Għawdex, il-wegħda ta’ xogħlijiet ta’ kwalità għall-Għawdxin f’Għawdex u kif sal-lum iż-żgħażagħ Għawdxin għadhom qed ikollhom imorru Malta jekk iridu xogħol aħjar. Hu semma wkoll il-problema kbira tat-traffikar tad-droga f’Għawdex li tħalliet tikber minn Gvern li żarma sezzjoni tal-pulizija li taħdem propju fuq dan. Semma n-nuqqas ta’ investiment fl-edukazzjoni minn Gvern Laburista u qal li Gvern Nazzjonalista jerġa’ jinvesti bis-saħħa fl-edukazzjoni.

Gvern Nazzjonalista se jiżgura li jagħmel l-investiment xieraq biex Għawdex u l-Għawdxin jingħataw il-prijorità li jixirqilhom. U dan hu kuntratt li qed jagħmel man-nies minn issa.

Alex Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lil Għawdex l-importanza li jistħoqqlu b’investiment serju u tenna li l-pjan tal-PN għal Għawdex jinkludi Port tal-Imġarr akbar u aktar funzjonali, investiment fiċ-Ċirkewwa, port alternattiv żgħir f’Għawdex, żewġ vapuri ġodda, servizz ta’ merkanzija bil-baħar lejn il-Port il-Kbir u aktar ’il quddiem lejn il-Freeport, kif ukoll il-breakwater tant mistenni ta’ Marsalforn.

Il-Kap tal-PN qal li mill-ewwel ġurnata li tħabbret l-elezzjoni ma riedx iwiegħed l-ilma jiżfen jew wegħdi fiergħa. Ried imur quddiem in-nies bi pjan – b’viżjoni b’saħħitha u bi proposti serji li jtejbu l-ħajja tan-nies. U dan qed jagħmlu. Bil-viżjoni tal-PN għall-enerġija, li se tfisser li mill-1 ta’ Jannar li ġej, il-familji kollha, dawk li jgħixu waħdihom, il-bdiewa, ir-raħħala, l-għaqdiet volontarji u oħrajn se jibdew iħallsu medja ta’ 30% inqas fil-kontijet tad-dawl. Dan jista’ jsir bi pjan serju ta’ investiment ta’ €60 miljun f’pannelli solari.

Tkellem dwar il-proposta tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub li se ssaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna u li tant kiddet lill-Partit Laburista li beda jattakkaha kif jista’. Tkellem dwar l-investiment li se jsir fil-Marsa għall-PORT – Distrett Kulturali għax il-PN jemmen fl-arti u l-kultura u kif din in-niċċa tista’ tkun ukoll investiment għall-ekonomija tagħna.

Tkellem dwar il-proposti tat-tnaqqis tat-taxxa personali, għall-kumpaniji zgħar u medji, għall-SMEs, u l-proposta li titneħħa darba għal dejjem it-taxxa tas-suċċessjoni. Tkellem dwar l-għajnuna li l-PN se jagħti lill-SMEs u l-għaqdiet volontarji fejn tidħol il-VAT. U tkellem dwar il-proposti tal-PN li bihom se jerġa’ jiddirezzjona l-popolazzjoni ta’ pajjiżna u biex inħarsu l-identità tagħna.

Alex Borg qal li hu jemmen f’politika pożittiva u appella biex dawk li jridu jagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna jikkonvinċu lil min għadu inċert.

“Il-politika negattiva hi tal-passat. Ejjew inkomplu mmexxu l-viżjoni tagħna. Flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza. Dan hu l-mument tiegħek biex nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u lil Għawdex tagħna”.

L-attività kienet indirizzata wkoll mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fuq it-tlettax-il distrett Norma Camilleri, Beppe Galea, Luke Said u Frank Anthony Tabone.

Norma Camilleri qalet li Gvern Nazzjonalista se jkun Gvern li lest iservi lil kuħadd u mhux Gvern tal-qalba. Hi qalet li ħaddieħor ħareġ jgħid li 13-il sena ilu Għawdex kien deżert. Id-deżert, qalet Norma Camilleri, hu fejn ħalla l-wegħdi li għamel il-Partit Laburista mal-Għawdxin tul dawn l-aħħar snin.

Hi tkellmet dwar kif ir-rwol tan-nisa tbiddel tul is-snin, u dwar il-ħtieġa ta’ aktar nisa f’pożizzjonijet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet biex jagħmlu differenza fil-ħajjiet tan-nisa wkoll. Hi qalet li l-politika tal-PN li l-bniedem ikun fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet hu dak li wassalha biex tikkontesta l-elezzjoni li ġejja u flimkien ma’ Alex Borg u t-tim ta’ kandidati se taħdem biex Gvern Nazzjonalista jerġa’  jpoġġi lil Għawdex u l-Għawdxin fuq nett tal-aġenda nazzjonali.

Beppe Galea qal li jemmen li l-politika hi għodda li tagħmel il-ġid, u għax iħobb lil Għawdex għażel li jagħmel dan il-pass ’il quddiem. Hu qal li Gvern Nazzjonalista jifhem il-ħtieġa urġenti għal konnettività aħjar kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, u l-importanza li l-Port tal-Imġarr ikun estiż biex ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-gżira. It-toroq ta’ Għawdex huma fi stat diżastruż u Gvern Nazzjonalista jkun impenjat li jtejjeb 150km ta’ toroq. Hu sostna li fl-aħħar snin, il-Gvern Laburista minflok tejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin, tefagħhom lura. Hu temm jgħid li Gvern Nazzjonalista jrid jerġa’ jagħti lill-Għawdxin il-kwalità tal-ħajja li jixirqilhom. Imma biex iseħħ dan, jeħtieġ l-appoġġ ta’ kulħadd biex fit-30 ta’ Mejju li ġej flimkien nerġgħu nagħtu Nifs Ġdid lil Għawdex.

Luke Said qal li hu l-iżgħar kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss iżda ilu s-snin jaħdem għall-ġid ta’ Għawdex u l-Għawdxin. Hu qal li l-ħidma tiegħu għal Għawdex ħaditu f’diversi oqsma u għenitu jifhem kemm f’Għawdex kull ħaġa żgħira tgħodd. Qal ukoll li għax għażel li jaħdem favur din il-gżira u jkun attiv fil-politika bata wkoll il-konsegwenzi imma xorta baqa’ jagħżel dejjem li ma jibqax sieket. Hu semma d-daqqa ’l isfel li ħadet il-politika fl-aħħar snin b’mod li bdiet taqta’ qalb ħafna żgħażagħ li bdew jaraw politika li taħseb biss fil-ftit. Hu qal li l-PN jemmen f’politika differenti – poltika ffukata fuq in-nies u li tagħti opportunitajiet lil kulħadd. Qal li l-politika serja tħares dak li għandna u tibni pajjiż aktar b’saħħtu. U din hi l-politika li jrid imexxi Gvern Nazzjonalista wara t-30 ta’ Mejju.

Frank Anthony Tabone qal li issa li fadal l-aħħar ftit ġranet tal-kampanja elettorali għad hemm ħafna nies li għadhom indeċiżi dwar il-vot tagħhom. Hu appella biex aktar nies ikunu parti minn din il-mixja u jgħinu lill-PN jikkonvinċni lil dawk l-Għawdxin li għadhom indeċiżi, li hu biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jagħti Nifs Ġdid lil Għawdex. Hu fakkar kif Gvern Laburista nesa kompletament lil Għawdex fuq kull livell – ħalliehom b’vapur imsaddad li ħallas il-miljuni għalih, ħalliehom bla sptar, u bla ħafna proġetti li wiegħed li se jwettaq. Hu qal li l-proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista huma proposti li jolqtu direttament lin-nies u hawn semma l-proposti marbuta mas-sigurtà fost l-oħrajn. Huwa għalaq billi qal li Għawdex jeħtieġ jerġa’ jieħu Nifs Ġdid u qal li Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Prim Ministru Għawdxi żgur mhux se jħalli lil Għawdex jibqa’ lura.

Tkellem ukoll Damien Spiteri, Sindku tal-Munxar, li qal li Alex Borg ġab entużjażmu kbir filwaqt li s-sapport tan-nies ifisser kollox għall-Partit Nazzjonalista. Hu qal li issa li għaddew tliet ġimgħat qed tidher ċar il-kampanja pożittiva tal-Partit Nazzjonalista u li l-formula ta’ din il-pożittività huwa Alex Borg. Hu qal li Alex Borg meta laħaq Kap kien qal li jrid ibiddel il-politika li nbiddluha minn waħda tat-tfigħ tat-tajn għal waħda li tħares ’il quddiem u li tkun miftuħa għal kulħadd. Hu tkellem dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista li jridu jtejbu lil Għawdex mingħajr ma tiżded il-pressjoni fuq din il-gżira. Gvern Nazzjonalista se jtejjeb il-ħajjiet tan-nies fost l-oħrajn b’kontijiet orħos, bit-tneħħija tat-taxxa tal-wirt, bil-miżuri li se jgħinu l-first-time buyers u ħafna aktar. Hu qal li din il-kampanja pożittiva ma tfissirx li m’hemmx attakki. Imma Alex Borg f’wiċċ dawn l-attakki jibqa’ jinsisti li l-ħidma tibqa’ għaddejja. Hu qal li t-triq hi għat-telgħa u appella lil kulħadd biex jagħmel il-biċċa tiegħu biex fit-30 ta’ Mejju jkollna Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg.

16.05.2026