Għawdex ma jistax jibqa’ jistenna li tkun ġejja elezzjoni ġenerali biex il-gvern jiftakar fih
Għawdex u l-Għawdxin ma jistgħux jibqgħu jistennew li tkun ġejja elezzjoni ġenerali biex il-Gvern jiftakar fihom, kif qed jiġri bħalissa.
Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li l-Għawdxin ikollhom infrastruttura li taħdem, konnettività li tnaqqas il-ħela ta’ ħin u sigurtà fil-komunitajiet li tagħti serħan il-moħħ lill-familji
Għawdex u l-Għawdxin ma jistgħux jibqgħu jistennew li tkun ġejja elezzjoni ġenerali biex il-Gvern jiftakar fihom, kif qed jiġri bħalissa.
Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li l-Għawdxin ikollhom infrastruttura li taħdem, konnettività li tnaqqas il-ħela ta’ ħin u sigurtà fil-komunitajiet li tagħti serħan il-moħħ lill-familji.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza f’Għawdex dalgħodu, akkumpanjat mill-kandidati tal-PN għat-13-il distrett elettorali Norma Camilleri, Beppe Galea, Luke Said u Frank Anthony Tabone.
Konferenza stampa li matulha l-Kap tal-PN spjega kifwara li f’Għawdex f’dawn is-snin irrenjat it-telqa, issa l-Gvern f’paniku beda sensiela ta’ xogħlijiet f’daqqa biex jagħti l-impressjoni li qed jsir ħafna xogħol infrastrutturali. Dak li ma sarx f’erba’ snin qed jipprova jagħmlu f’erba’ gimgħat, l-erba’ ġimghat ta’ qabel l-elezzjoni.
Alex Borg elenka numru ta’ wegħdiet u proġetti li wiegħed il-Labour għal Għawdex li baqgħu fuq il-karta wara li kienu mwiegħda f’diversi manifesti elettorali tal-Partit Laburista, fosthom il-proġett tal-Port tal-Imġarr b’faċilitajiet innovattivi, il-Breakwater u l-Multi-Level Car Park f’Marsalforn, l-Isptar Ġenerali l-ġdid, ix-xogħlijiet fit-toroq u l-ħolqien ta’ parkeġġi, il-Masterplan tax-Xlendi u l-Qorti ta’ Għawdex. Il-Kap tal-PN sostna li issa saħanistra qed jiġu indirizzati konferenzi tal-aħbarijiet meta proġett lanqas ikun għadu lest – bħalma ġara dan l-aħħar meta saret konferenza stampa fuq it-triq ta’ Marsalforn fejn għadhom biss twettqu 60% tal-proġett.
Filwaqt li qal li Għawdex għandu bżonn infrastruttura ppjanata fit-tul – mhux proġetti li jfeġġu qabel elezzjoni – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega l-viżjoni tal-PN għal Għawdex għal diversi oqsma biex il-ħaddiema li jaqsmu kuljum bejn Malta u Għawdex, l-istudenti, il-pazjenti, in-negozji, is-sajjieda, il-bdiewa u l-familji, ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Fost l-oħrajn, il-Kap tal-PN elenka dawn il-proposti:
- Port tal-Imġarr akbar u aktar funzjonali, b’parkeġġ għall-Għawdxin – proġett li jitwettaq b’konsultazzjoni mal-istakeholders u jkun marbut ukoll ma’ investiment fiċ-Ċirkewwa
- Port żgħir alternattiv li jsir b’rispett lejn l-impatt ambjentali u żewġ vapuri ġodda, wieħed għall-passiġġieri u l-ieħor għall-merkanzija
- Konnettività tal-merkanzija bil-baħar bi skeda speċifika lejn il-Port il-Kbir u aktar tard lejn il-Freeport biex tonqos il-konġestjoni fit-toroq f’Malta
- Breakwater ta’ Marsalforn biex iċ-ċentru turistiku joħroġ il-potenzjal tiegħu u min jaqla’ ħobżu minn hemm ma jibqax jiffaċċja inċertezza
- Parkeġġi ġodda fir-Rabat, Marsalforn u x-Xlendi u organizzazzjoni aħjar tal-parkeġġi eżistenti bi proġetti li joħolqu wkoll spazji ħodor rikreattivi għall-familji
- Sptar ġdid ta’ 400 sodda bħala parti min-netwerk nazzjonali tal-isptarijiet, b’teknoloġija moderna u ħeliport qrib l-Emerġenza
Dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet, il-Kap tal-PN qal li din ma għandhiex titkejjel biss b’reati kbar jew każijiet li nisimgħu bihom fl-aħbarijiet, imma tibda minn affarijiet bażiċi – pulizija viżibbli fil-komunità, servizzi ta’ appoġġ qrib il-vittmi u qorti li taħdem f’ambjent adegwat. F’dan il-kuntest, Alex Borg ippreżenta numru ta’ proposti oħra tal-PN għal dan is-settur importanti:
- Safe place għall-vittmi tal-vjolenza domestika f’Għawdex fejn il-vittmi jsibu post sigur, privat u dinjituż u jingħataw l-appoġġ meħtieġ
- Skwadra tal-Pulizija speċjalizzata kontra d-droga, it-traffikar u l-isfruttament tal-persuni
- Qorti ta’ Għawdex moderna li topera f’ambjent adegwat u attrezzata għaż-żminijiet tal-lum
- Titjib tas-sigurtà fit-toroq bi speed camera fi Triq l-Imġarr ħalli jiġu evitati aktar iċidenti fatali u b’konsegwenzi serji f’dawn l-inħawi
Alex Borg temm jgħid li n-nies u l-familji Għawdxin u Maltin jibqgħu l-prijorità għall-Partit Nazzjonalista.
“Għawdex għandu bżonn politika li twettaq, mhux politika taż-żigarelli u l-konferenzi tal-aħbarijiet. Għandu bżonn infrastruttura moderna mingħajr ma jitlef l-identità tiegħu, u sigurtà fil-komunitajiet li tagħti serħan il-moħħ. Huwa biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jagħti dan in-Nifs Ġdid lil Għawdex u lill-Għawdxin.”
16.05.2026

