Grupp Parlamentari b’Deputati li jġibu magħhom taħlita ta’ esperjenza u enerġija ġdida li se tikkontribwixxi għall-ġid tal-pajjiż
Hekk kif dalgħodu ntemm il-proċess elettorali bl-elezzjonijiet każwali biex jimtlew is-siġġijiet Parlamentari vakati mill-kandidati li fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju kienu eletti minn żewġ distretti f’isem il-PN, kif ukoll daħal fis-seħħ il-mekkaniżmu tal-bilanċ bejn il-ġeneri, illejla ltaqa’ għall-ewwel darba l-Grupp Parlamentari l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista mmexxi mill-Kap tal-PN Alex Borg.
Jiltaqa’ għall-ewwel darba l-Grupp Parlamentari l-ġdid tal-PN – il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar li Ivan Castillo qed jinħatar Whip tal-Grupp Parlamentari
Hekk kif dalgħodu ntemm il-proċess elettorali bl-elezzjonijiet każwali biex jimtlew is-siġġijiet Parlamentari vakati mill-kandidati li fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju kienu eletti minn żewġ distretti f’isem il-PN, kif ukoll daħal fis-seħħ il-mekkaniżmu tal-bilanċ bejn il-ġeneri, illejla ltaqa’ għall-ewwel darba l-Grupp Parlamentari l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista mmexxi mill-Kap tal-PN Alex Borg.
Il-Kap tal-PN feraħ lid-Deputati kollha eletti u rringrazzjahom talli għażlu li jkunu ta’ servizz waqt li radd ħajr ukoll lill-kandidati li ma ġewx eletti u appellalhom biex jibqgħu jħossuhom parti mill-Partit Nazzjonalista. Hu qal li jinsab kburi bil-Grupp Parlamentari l-ġdid tal-PN li jinkludi taħlita ta’ nies b’esperjenza u oħrajn ġodda fosthom żgħażagħ li ġew eletti għall-ewwel darba u li se jagħtu enerġija ġdida li se tikkontribwixxi għall-ġid tal-pajjiż.

Alex Borg ħabbar li d-Deputat Ivan Castillo nħatar Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista waqt li bħala parti minn ristrutturar fil-mod kif jiffunzjona l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, fil-jiem li ġejjin se jinħatru għall-ewwel darba żewġ Deputy Whips u Segretarju tal-Grupp Parlamentari.
Alex Borg appella lid-Deputati kollha biex iżommu l-kuntatt man-nies, mhux lejliet l-elezzjoni, imma minn issa u qal li anke mill-feedback li qed jirċievi l-PN wara l-elezzjoni l-aktar element li jispikka huma l-kummenti dwar il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista, anke fl-Oppożizzjoni, jibqa’ l-ħin kollu viċin in-nies.
Il-Grupp Parlamentari l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista jinkludi 13-il Membru Parlamentari ġdid. Jinkludi wkoll 12-il Deputat mara, fosthom erbgħa li kienu eletti għall-ewwel darba. Dan ukoll huwa xhieda tal-proċess ta’ tiġdid li l-Partit Nazzjonalista għaddej minnu u li mistenni jkompli jsaħħu biex ikun il-gvern alternattiv li għandu bżonn pajjiżna.

Il-Grupp Parlamentari l-ġdid se jingħata l-ġurament tal-ħatra s-Sibt li ġej matul l-ewwel seduta Parlamentari ta’ din il-leġiżlatura. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkollu Grupp Parlamentari ffurmat minn 37 Membru Parlamentari, il-Partit Laburista se jkollu Grupp ta’ 42 Deputat Parlamentari.
Nhar l-Erbgħa 24 ta’ Ġunju, imbagħad, jiltaqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-PN li jagħti bidu għall-proċess tal-konferma jew il-ħatra ta’ Kap tal-PN wara l-elezzjoni ġenerali, kif jipprovdi l-Istatut tal-PN. Il-Kunsill se jsegwi l-Assemblej Reġjonali li qed isiru din il-ġimgħa f’Malta u Għawdex.
16.06.2026