Il-Kap tal-PN jinnomina lil Bernard Grech għall-kariga ta’ Deputat Speaker tal-Parlament
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg se jkun qed jinnomina lid-Deputat Nazzjonalista Bernard Grech għall-kariga ta’ Deputat Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Id-Deputati Toni Bezzina u Annabelle Cilia jinħatru Assistenti Whips tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg se jkun qed jinnomina lid-Deputat Nazzjonalista Bernard Grech għall-kariga ta’ Deputat Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
L-elezzjoni ta’ Bernard Grech fil-kariga ta’ Deputat Speaker se tkun qed issir għada fil-Kamra tar-Rappreżentanti waqt l-ewwel seduta Parlamentari ta’ din il-leġiżlatura u se ssegwi l-elezzjoni ta’ Carmelo Abela bħala Speaker, qabel ma l-Membri Parlamentari jingħataw il-ġurament tal-ħatra.
Kif wiegħed il-Kap tal-PN Alex Borg fl-ewwel laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN wara l-elezzjoni, li saret aktar kmieni din il-ġimgħa, qed jinħatru wkoll żewġ Assistenti Whips tal-Grupp Parlamentari biex jassistu lill-Whip Ivan Castillo. F’dawn il-karigi l-Kap tal-PN ħatar lid-Deputati Toni Bezzina u Annabelle Cilia.
Filwaqt li jifraħ lil Bernard Grech, kif ukoll lil Toni Bezzina u Annabelle Cilia għal dawn il-karigi, il-Partit Nazzjonalista jħares ’il quddiem biex minn għada, wara l-ftuħ statali tal-15-il Parlament, ikompli jaqdi r-rwol tiegħu bħala Oppożizzjoni responsabbli, kostruttiva u determinata li ssemma’ l-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Il-PN jieħu wkoll din il-okkażjoni biex jawgura ħidma mill-aqwa f’din il-leġiżlatura l-ġdida lill-Membri Parlamentari eletti kollha li se jkunu qed jieħdu l-Ġurament ta’ Lealtà fil-Kamra tar-Rappreżentanti fiċ-ċerimonja li se ssir għada filgħodu.
Kemm il-quddiesa fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann li tibda fid-9am kif ukoll iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Parlament se jkunu qed jixxandru live fuq Net Television.
19.06.2026