Il-proċess tal-ħatra tal-Kap tal-PN se jiftaħ b’Kunsill Ġenerali nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju
L-Eżekuttiv tal-PN iddeċieda li dan il-Kunsill Ġenerali għandu jiftaħ nhar is-Sibt li ġej 20 ta’ Ġunju u jsegwi l-laqgħat tal-Assemblej Reġjonali tal-PN li se jsiru f’Malta u Għawdex matul il-ġimgħa d-dieħla.
Il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, li ltaqa’ llejla, japprova l-proċess li jrid isir skont l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali
Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista llejla approva l-proċess biex – kif jipprovdi l-Istatut tal-PN – il-Kunsill Ġenerali jaħtar jew jikkonferma lill-Kap tal-Partit wara l-elezzjoni ġenerali li saret fit-30 ta’ Mejju.
L-Istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid li f’każ li wara elezzjoni l-partit ikun fl-Oppożizzjoni, l-Eżekuttiv għandu jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex iniedi proċess ta’ elezzjoni ta’ Kap skont il-provvedimenti tal-istess Statut.
Jgħid ukoll li għandu jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni uffiċjali tar-riżultat ta’ kull elezzjoni ġenerali biex jiġi diskuss ir-riżultat tal-elezzjoni.
L-Eżekuttiv tal-PN iddeċieda li dan il-Kunsill Ġenerali għandu jiftaħ nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju u jsegwi l-laqgħat tal-Assemblej Reġjonali tal-PN li se jsiru f’Malta u Għawdex matul il-ġimgħa d-dieħla.
Waqt dan il-Kunsill Ġenerali, li se jitlaqqa’ s-Sibt filgħodu fid-Dar Ċentrali tal-PN, se jitressaq ukoll quddiem il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista rapport ta’ dak li ħareġ minn dawn l-Assemblej li se jiddiskutu r-riżultat elettorali miksub mill-PN. Dan ir-rapport se jitressaq mill-President Riċerka Politika tal-PN il-Professur Mary Anne Lauri.
Matul il-Kunsill se jsiru wkoll diskorsi mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione u mill-Kap tal-PN Alex Borg.
Il-Kunsill Ġenerali, imbagħad, jinkariga lill-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista biex tibda l-proċess tal-ħatra ta’ Kap tal-Partit.
Kif jitlob ukoll l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, il-Kumitat Eżekuttiv illejla approva wkoll ir-regolamenti li bihom se tkun qed titmexxa din l-elezzjoni.
11.06.2026


