Irridu leġiżlatura mibnija fuq is-serjetà u r-rispett, u fuq kollox li tagħti riżultati għan-nies
Il-leġiżlatura l-ġdida li bdiet ilbieraħ għandha tkun waħda mibnija fuq is-serjetà u r-rispett lejn l-istituzzjonijiet u fuq kollox waħda li tagħti riżultati konkreti għall-poplu Malti u Għawdxi.
F’intervista fuq NET Television, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkun Oppożizzjoni kostruttiva u responsabbli, iżda determinata li żżomm lill-Gvern kontabbli u li tibqa’ qrib in-nies
Il-leġiżlatura l-ġdida li bdiet ilbieraħ għandha tkun waħda mibnija fuq is-serjetà u r-rispett lejn l-istituzzjonijiet u fuq kollox waħda li tagħti riżultati konkreti għall-poplu Malti u Għawdxi.
F’intervista li saritlu fuq NET Television dalgħodu minn Ylenia Montfort, l-għada tal-ftuħ tal-15-il leġiżlatura parlamentari mill-Indipendenza ’l hawn, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-poplu għamel l-għażla tiegħu u dik l-għażla għandha tiġi rispettata. Huwa saħaq li l-Oppożizzjoni se tkun waħda kostruttiva u responsabbli, li tappoġġja dak li hu tajjeb għall-pajjiż u tikkritika fejn ikun hemm bżonn, iżda dejjem bi proposti u soluzzjonijiet, u li tibqa’ dejjem viċin in-nies.
Alex Borg qal li l-isfidi li l-Partit Nazzjonalista tkellem dwarhom qabel l-elezzjoni għadhom hemm anke llum, fosthom l-għoli tal-ħajja, l-akkomodazzjoni u l-kwalità tal-ħajja. Huwa qal li l-politika għandha tgħaqqad aktar milli tifred u li l-interess nazzjonali għandu dejjem jiġi qabel l-interess partiġjan.
Dwar il-ħatra tal-Ispeaker u tad-Deputy Speaker, il-Kap tal-PN laqa’ l-fatt li kien hemm qbil fuq iż-żewġ karigi parlamentari. Huwa qal li dan jibgħat messaġġ ta’ maturità politika u ta’ rispett reċiproku fil-Parlament.
Alex Borg qal li l-fatt li d-Deputy Speaker ikun ġej mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni jsaħħaħ il-bilanċ demokratiku, u fakkar li din hija prassi li nbdiet taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. Huwa qal li Bernard Grech għandu l-esperjenza meħtieġa biex jaqdi din il-kariga b’dinjità.
Il-Kap tal-PN qal ukoll li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għandu taħlita b’saħħitha ta’ esperjenza u enerġija ġdida, bi 13-il Deputat ġdid u rappreżentanza qawwija ta’ nisa. Huwa qal li fil-ġranet li ġejjin se jkun qed iħabbar ukoll ix-Shadow Cabinet biex ikompli jibni alternattiva kredibbli għall-pajjiż.
Alex Borg saħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ riformi fil-mod kif jaħdem il-Parlament. Huwa qal li l-Parlament għandu jkun aktar effettiv, aktar trasparenti u aktar qrib in-nies. Il-Partit Nazzjonalista għadu jemmen li għandhom jiddaħħlu l-Prime Minister’s Questions ta’ kull ġimgħa, biex il-Gvern ikun aktar kontabbli quddiem il-Parlament.
Huwa qal li m’għandux jibqa’ jkun aċċettabbli li tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari jieħdu xhur, u li għandu jkun hemm aktar spazju għall-Oppożizzjoni, inkluż seduti aktar frekwenti ddedikati għall-ħidma tagħha. Huwa tenna wkoll il-proposta għal Kumitat Permanenti tal-Ġustizzja u qal li servizzi ta’ childcare fil-Parlament huma pass naturali għal istituzzjoni moderna.
Dwar il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li se jiftaħ nhar l-Erbgħa, kif jitlob l-Istatut tal-Partit wara kull elezzjoni, Alex Borg appella lill-Kunsillieri biex iħarsu ’l quddiem u jkomplu jibnu fuq dak li nbeda.
Huwa qal li aktar nies reġgħu bdew jafdaw lill-Partit Nazzjonalista, iżda l-ħidma għadha biss fil-bidu tagħha. Dan, qal Alex Borg, huwa mument ta’ riflessjoni u tiġdid, fejn il-Partit għandu jibqa’ jisma’ lill-membri tiegħu, ikun miftuħ għal ideat ġodda u jkompli jkun dar għal kull min irid Malta aħjar.
Il-Kap tal-PN qal li l-għan tal-Partit Nazzjonalista huwa ċar: li jkun alternattiva għall-gvern u jirbaħ l-elezzjonijiet li ġejjin.
Alex Borg ikkonferma wkoll li wara li jkun approvat bħala Kap tal-Partit, se jressaq emendi għall-Istatut biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkollu żewġ Viċi Kapijiet: wieħed għall-Affarijiet tal-Parlament u ieħor għall-Affarijiet tal-Partit.
Huwa qal li l-Partit u l-ħidma parlamentari għandhom sfidi differenti u għalhekk jeħtieġu fokus differenti. Din l-istruttura, qal il-Kap tal-PN, tgħin biex jitqassmu aħjar ir-responsabbiltajiet, titjieb l-effiċjenza u tissaħħaħ it-tmexxija kollettiva tal-Partit.
Dwar l-impenji tiegħu fi Brussell għas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, Alex Borg qal li dan sar fi żmien ta’ sfidi kbar għall-Ewropa, fosthom is-sigurtà u d-difiża, il-kompetittività ekonomika, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u l-budget Ewropew li jmiss.
Huwa qal li Malta trid tibqa’ tiddefendi l-interessi tagħha u li kull deċiżjoni Ewropea trid tqis ir-realtajiet ta’ pajjiżna bħala gżira u stat żgħir. Alex Borg qal li qajjem ukoll temi li jolqtu direttament lill-familji Maltin u Għawdxin, inkluż il-pressjoni migratorja fuq stati żgħar.
Tkellem ukoll dwar il-laqgħa pożittiva li kellu mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u saħaq li huwa importanti li Malta jkollha vuċi b’saħħitha u rispettata fl-Ewropa.
Dwar is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Alex Borg qal li dak li ħareġ fl-aħħar jiem huwa serju ħafna u jolqot direttament il-fiduċja fis-sistema korrettiva. Huwa qal li d-drittijiet fundamentali għandhom jiġu rispettati, u l-istess għandu japplika fejn hemm allegazzjonijiet ta’ privileġġi speċjali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li inkjesta interna waħedha mhijiex biżżejjed u tenna li għandu jkun hemm inkjesta Maġisterjali biex il-fatti kollha dwar il-każ tal-priġunier li nstab li kellu aċċess għall-internet joħorġu b’mod trasparenti. Huwa qal li fejn ikun hemm nuqqasijiet għandu jkun hemm responsabbiltà, għax il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità kollha.
Fl-aħħar nett, Alex Borg qal li l-politika min-nies għan-nies mhijiex slogan, iżda l-mod kif jemmen li għandha ssir il-politika. Huwa qal li l-kampanja ma spiċċatx fil-jum tal-elezzjoni u li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ fit-toroq, fil-komunitajiet u viċin il-familji. Il-PN se jkompli jisma’ aktar milli jitkellem, ikun fejn hemm il-problemi tan-nies, iżur għaqdiet, negozji u familji, u jsaħħaħ il-kuntatt dirett mal-komunitajiet.
Alex Borg temm jgħid li l-fiduċja tinbena kuljum, u li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex ikun vuċi għal dawk kollha li jħossuhom minsija.
21.06.2026

