L-elezzjoni għaddiet, imma l-missjoni tagħna biex ikollna Malta u Għawdex aħjar għadha kif bdiet
"Din l-elezzjoni ma tatniex ir-riżultat li xtaqna. Imma tatna direzzjoni. Tatna tagħlima. Tatna sinjal ċar li l-poplu qed ifittex alternattiva kredibbli. Jien nemmen fil-futur tal-Partit Nazzjonalista, nemmen fil-futur ta' Malta u nemmen li jekk nibqgħu umli, magħqudin u determinati, se naslu."
Il-Kap tal-PN Alex Borg intervistat fuq NET TV – jitkellem dwar kif se jerġa’ jitlob il-fiduċja tal-PN biex ikompli l-proċess ta’ tiġdid li beda tmien xhur ilu u dwar l-emendi li se jipproponi għall-Istatut biex jinħolqu żewġ karigi ta’ Viċi Kap
Minkejja li l-Partit Nazzjonalista ma kisibx ir-riżultat elettorali li xtaq, l-aħħar elezzjoni tat sinjal ċar li dejjem aktar Maltin u Għawdxin qed ifittxu alternattiva kredibbli għall-Gvern preżenti.
F’intervista li saritlu dalgħodu fuq NET Television minn Thomas De Martino, il-Kap tal-PN Alex Borg qal li fl-aħħar tmien xhur il-Partit Nazzjonalista wettaq bidla importanti fil-mod kif resaq lejn in-nies, billi mexxa kampanja pożittiva, mibnija fuq proposti konkreti maħsuba biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Huwa enfasizza li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jwettaq ir-rwol tiegħu bħala Oppożizzjoni effettiva, serja u responsabbli fil-Parlament, filwaqt li jibqa’ jersaq aktar viċin in-nies u joffri tama ġdida għal pajjiżna.
Alex Borg ħabbar li se jerġa’ jitlob il-fiduċja tal-Partit Nazzjonalista biex ikompli l-proċess ta’ tiġdid li beda tmien xhur ilu. Huwa sostna li l-prijorità tiegħu hija li jkompli jsaħħaħ lill-PN permezz ta’ strutturi aktar moderni, aktar parteċipazzjoni u aktar involviment ta’ nies ġodda.
F’dan il-kuntest, spjega li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jipproponi emendi għall-Istatut biex jinħolqu żewġ karigi ta’ Viċi Kap – wieħed responsabbli mill-affarijiet tal-partit u ieħor mill-ħidma parlamentari.
Il-Kap tal-PN fakkar li l-ewwel pass li ħa wara r-riżultat elettorali kien li jniedi proċess ta’ konsultazzjoni miftuħa permezz ta’ feedback forms u sejħa għall-voluntieri. Huwa qal li l-Partit irid ikun aktar miftuħ, aktar inklussiv, aktar organizzat u aktar qrib in-nies.
Dwar ir-riżultat elettorali, Alex Borg enfasizza li l-Partit Nazzjonalista żied aktar minn 13,000 vot meta mqabbel mal-elezzjoni preċedenti, irreġistra żieda fl-appoġġ f’kull distrett elettorali, rebaħ sitt distretti u kiseb mill-ġdid il-maġġoranza tal-voti f’Għawdex.
“Dan huwa sinjal ċar li dejjem aktar nies qed jemmnu fil-proġett tagħna. Madankollu aħna konxji li għad fadlilna ħafna xogħol x’nagħmlu biex niksbu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi,” qal Alex Borg.
Fir-rigward tax-Shadow Cabinet, Alex Borg qal li se jkun qed jistenna li jintemm il-proċess tal-elezzjonijiet każwali qabel jagħmel il-ħatriet meħtieġa. Huwa esprima fiduċja kbira fil-kwalità tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u qal li jinsab konvint li dan it-tim se joffri Oppożizzjoni effettiva u kredibbli.
Il-Kap tal-PN irrefera wkoll għal aktar minn 1,150 persuna li qasmu l-esperjenzi u l-fehmiet tagħhom mal-Partit permezz ta’ applikazzjoni online.
Alex Borg temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista lest li jitgħallem mill-esperjenza tal-elezzjoni ġenerali biex ikun jista’ jkompli jibni alternattiva aktar b’saħħitha għall-futur.
“Din l-elezzjoni ma tatniex ir-riżultat li xtaqna. Imma tatna direzzjoni. Tatna tagħlima. Tatna sinjal ċar li l-poplu qed ifittex alternattiva kredibbli. Jien nemmen fil-futur tal-Partit Nazzjonalista, nemmen fil-futur ta’ Malta u nemmen li jekk nibqgħu umli, magħqudin u determinati, se naslu. L-elezzjoni għaddiet, imma l-missjoni tagħna lejn Malta u Għawdex aħjar għadha kif bdiet.”
Fil-bidu tal-intervista l-Kap tal-PN sellem il-memorja tal-kandidata tal-PN Josephine Xuereb li ħalliet din id-dinja fl-aħħar sigħat. Josephine kkontestat l-elezzjoni ġenerali tal-2022 f’isem il-PN fuq is-seba’ u t-tlettax-il distrett, u kienet approvata wkoll bħala kandidata tal-PN għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet li, però, ma kkontestatx minħabba l-qagħda ta’ saħħitha. Fl-2019 ikkontestat ukoll f’isem il-PN l-elezzjoni għall-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-Kap tal-PN Alex Borg, f’isem il-Partit Nazzjonalista, bagħat il-kondoljanzi lill-familja tagħha.
14.06.2026

