Mil-lum nibdew nibnu l-futur
Il-PN jiftaħ il-Kunsill Ġenerali li nieda l-proċess għall-ħatra ta’ Kap; il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jgħid li determinat li l-Partit Nazzjonalista jkun il-gvern alternattiv – “jien nemmen f’dan il-Partit, nemmen f’Malta u Għawdex tagħna”
Il-PN jiftaħ il-Kunsill Ġenerali li nieda l-proċess għall-ħatra ta’ Kap; il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jgħid li determinat li l-Partit Nazzjonalista jkun il-gvern alternattiv – “jien nemmen f’dan il-Partit, nemmen f’Malta u Għawdex tagħna”
Mil-lum nibdew nibnu l-futur.
llum qegħdin hawn biex nieħdu lill-Partit Nazzjonalista ’l quddiem. Biex inkomplu naħdmu għan-nies. Biex inkomplu nħejju ruħna biex inkunu l-gvern li jmiss. Biex inkomplu nibnu fuq dak li ksibna fl-elezzjoni li għaddiet. Din l-elezzjoni wriet li l-Partit Nazzjonalista huwa partit ħaj u mimli enerġija.

Waqt il-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali li nieda l-proċess tal-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni ġenerali kif jistipula l-Istatut tal-PN, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li dan il-Kunsill Ġenerali mhux qed jitlaqqa’ biss biex jitkellem dwar it-telfa elettorali, iżda biex jiddeċiedi x’għandu jsir minn issa ’l quddiem. Hu qal li l-PN jirrispetta l-għażla tal-poplu, iżda għandu jibni fuq il-progress li sar fl-aħħar elezzjoni, fosthom aktar minn 13,000 vot ġdid, sitt distretti elettorali mirbuħa, swing ta’ kważi 18,000 vot favur il-PN u sinjal ċar ta’ fiduċja minn Għawdex.
Alex Borg qal li l-elezzjoni ma tatx lill-PN il-gvern, iżda wriet li l-Partit Nazzjonalista hu Partit ħaj, li reġa’ qanqal tama u li issa għandu jkompli jwettaq il-bidla li beda. Hu qal li l-isfida tal-PN hi li jkun Partit tan-Nazzjon, li jifhem il-ħajja ta’ kuljum tan-nies u joffri soluzzjonijiet serji għall-għoli tal-ħajja, il-kwalità tal-ħajja, l-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-traffiku, l-ambjent, il-popolazzjoni u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet.

Il-Kap tal-PN wiegħed impenn li sal-elezzjoni li jmiss, il-Partit Nazzjonalista jkun l-aktar darba qrib in-nies fl-istorja tiegħu, preżenti f’kull lokalità, komunità u settur mhux biss qabel l-elezzjoni, iżda minnufih. Hu qal li l-fiduċja ma tinbeniex f’kampanja, iżda kuljum, u għalhekk il-PN irid ikompli jsaħħaħ l-organizzazzjoni, il-professjonalità, id-dixxiplina, it-taħriġ u l-ispazju għaż-żgħażagħ, għan-nisa u għal kull min irid jagħti sehmu.
Alex Borg talab lill-Kunsillieri tal-PN jikkonfermawh bħala Kap tal-Partit biex ikompli l-ħidma ta’ tiġdid li bdiet fl-aħħar xhur, fosthom permezz ta’ bidliet li jagħmlu lill-PN aktar modern u effettiv, inkluż il-ħolqien ta’ żewġ karigi ta’ Viċi Kap: waħda ffukata fuq il-ħidma tal-Partit u l-oħra fuq il-ħidma Parlamentari. Hu qal li sal-elezzjoni li jmiss il-PN għandu missjoni doppja: li jkun Oppożizzjoni serja u fl-istess waqt gvern alternattiv lest, li jżomm lill-Gvern responsabbli, jitkellem kontra l-abbuż u jkompli jibni l-alternattiva li Malta u Għawdex għandhom bżonn. “Jien nemmen f’dan il-Partit, nemmen f’Malta u Għawdex tagħna”.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione wkoll indirizza l-Kunsill Ġenerali u rringrazzja lill-Kunsillieri, lill-kandidati, lill-voluntieri, lill-uffiċjali u lit-timijiet kollha li ħadmu matul kampanja elettorali qasira u intensa. Hu qal li, minkejja elezzjoni bikrija u battalja mhux ugwali kontra l-qawwa tal-Gvern fil-kariga, il-Partit Nazzjonalista kien ippreparat, organizzat u determinat. Saħaq li l-Partit għandu jaċċetta r-riżultat bħala r-rieda tal-poplu, iżda fl-istess waqt jirrifletti, jaġixxi u jimxi ’l quddiem. Hu sostna li r-riżultat wera li l-Partit Nazzjonalistsa qiegħed fit-triq it-tajba u issa dan il-momentum irid jinżamm bħalma għandha tinżamm il-pożittività. Qal li l-kampanja elettorali li għaddiet reġgħet qanqlet tama u entużjażmu, u appella biex dan il-momentum jinżamm ħaj biex il-PN ikompli jinbena bħala forza politika serja, mġedda u determinata. “We are fully back in business”.

Il-Kunsill Ġenerali nfetaħ mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut li spjega li dan il-Kunsill Ġenerali qed jiltaqa’ skont l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni generali biex iniedi l-proċess għall-elezzjoni jew konferma tal-Kap tal-Partit. Hu qal li l-Partit jagħraf li tilef l-elezzjoni u jrid jixtarr fejn irid jinbidel u jitjieb, iżda fl-istess waqt għandu jibni fuq l-aħjar riżultat elettorali tiegħu mill-2008 ’l hawn, b’żieda fil-voti f’kull distrett u żewġ siġġijiet aktar fil-Parlament. Mark Anthony Sammut qal li dan ir-riżultat nissel tama, motivazzjoni u xewqa akbar fost ħafna nies biex jagħtu sehemhom, u saħaq li l-Partit għandu jkompli l-proċess ta’ tiġdid u ristrutturar, filwaqt li jkun sod kontra abbużi elettorali u favur demokrazija b’level playing-field. Hu qal li jekk kulħadd jaħdem flimkien, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ miexi ’l quddiem u jagħmel kisbiet akbar li jwassluh fejn irid jasal – fil-gvern.

F’diskors li għamel is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, huwa qal li minkejja li l-Partit tilef l-elezzjoni ġenerali, il-PN għamel passi importanti ’l quddiem, fosthom li naqqas id-distakk kważi bin-nofs, żied il-voti f’kull distrett u saħħaħ il-preżenza tiegħu fil-Parlament. Hu rringrazzja lill-kandidati, lill-voluntieri, lill-attivisti, lill-ħaddiema tal-Partit u tal-Media Link Communications u lil dawk kollha li ħadmu matul il-kampanja. Charles Bonello qal li dan hu mument ta’ riflessjoni, tiġdid u kuraġġ, u ħabbar li se jitnieda proċess usa’ ta’ tiġdid fl-istrutturi tal-Partit u fl-Istatut biex il-PN ikun aktar modern, miftuħ, inklussiv u effiċjenti, lest għall-appuntamenti elettorali li jmiss. Hu saħaq li dan il-proċess hu proġett kollettiv, mibni fuq l-għaqda, il-kuraġġ u l-kontribut ta’ kull min irid jara lill-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ u jinfetaħ aktar għan-nies.

Indirizzat dan il-Kunsill Ġenerali wkoll il-President Riċerka Politika tal-PN Mary Anne Lauri li ppreżentat analiżi tal-feedback li nġabar mingħand aktar minn 1,000 persuna u mill-ħames assemblej reġjonali organizzati wara l-elezzjoni ġenerali. Mir-rapport ħareġ li Alex Borg kien meqjus bħala fattur pożittiv li ġab enerġija, tama u entużjażmu ġdid, filwaqt li l-proposti tal-PN kienu meqjusa bħala serji iżda ma waslux biżżejjed għand kulħadd. Il-Professur Mary Anne Lauri qalet li l-analiżi wriet ukoll il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni aktar ċara, strutturi aktar b’saħħithom u preżenza akbar fil-lokalitajiet. Hija temmet tgħid li waqt dan l-eżerċizzju ltaqgħet ma’ nies li filwaqt li analizzaw ir-realtà tat-telfa huma mimlija kuraġġ biex ifasslu r-reħba. Hi tenniet li b’ħidma kontinwa, għada se jkun aħjar mill-lum u b’Kap li l-entużjażmu, l-enerġija u l-pożittività tiegħu jittieħdu, ir-rebħa se tasal.

Fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-PN Stefan Caruana qara l-minuti tal-aħħar Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Fi tmiem din is-sessjoni tal-Kunsill Ġenerali ittieħed vot fuq il-Mozzjoni li fetħet il-proċess għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-Mozzjoni għaddiet, biex issa l-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN ġiet inkarigata tmexxi dan il-proċess fil-ġimgħat li ġejjin.
24.06.2026





