Nifs Ġdid fl-Edukazzjoni: skola ġdida kull sena, kundizzjonijiet aħjar u aktar rispett lejn l-edukaturi tagħna
AĦBAR

Nifs Ġdid fl-Edukazzjoni: skola ġdida kull sena, kundizzjonijiet aħjar u aktar rispett lejn l-edukaturi tagħna

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’Ħaż-Żebbuġ: Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jpoġġi lill-istudenti, lill-għalliema u lill-familji fil-qalba tal-politika edukattiva

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’Ħaż-Żebbuġ: Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jpoġġi lill-istudenti, lill-għalliema u lill-familji fil-qalba tal-politika edukattiva

Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħmel mill-edukazzjoni prijorità nazzjonali, b’investiment serju fl-iskejjel, fil-kundizzjonijiet tal-għalliema u tal-LSEs, fl-istudenti, fil-kurrikulu u fil-ħiliet meħtieġa għad-dinja tax-xogħol.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt diskussjoni politika dwar l-edukazzjoni li saret dalgħodu f’Ħaż-Żebbuġ, fejn qal li l-edukazzjoni mhix biss dwar skejjel, eżamijiet jew statistika, iżda dwar il-futur ta’ wliedna, il-kwalità tal-ħajja tal-familji u t-tip ta’ pajjiż li rridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Hu qal li Partit Nazzjonalista fil-gvern irid mill-ewwel ipoġġi mal-imsieħba soċjali biex jiddiskuti pakkett finanzjarju ġdid għall-edukaturi u jindirizza mill-ewwel l-isfidi li għandhom il-Learning Support Educators u jinvesti aktar fihom. Iżda minbarra dan, irid jinvesti bis-serjetà wkoll fl-infrastruttura bi skola ġdida kull sena, biex l-istudenti jkollhom post komdu u modern fejn jitgħallmu u biex l-edukaturi jkollhom post tax-xogħol dinjituż u mgħammar bl-aqwa riżorsi.

Alex Borg qal ukoll li Gvern Nazzjonalista se jkollu prijorità għal kull skola u entità edukattiva: multi-sensory rooms li joffru ambjent kalm, sigur u adattat fejn l-istudenti jistgħu jirregolaw is-sensi u l-emozzjonijiet tagħhom, jikkonċentraw aħjar u jingħataw appoġġ skont il-bżonnijiet individwali tagħhom. Hu sostna li dawn huma importanti daqskemm huwa importanti li kull vapur għal Għawdex ikollu calming room għal tfal li għalihom il-vjaġġ bil-vapur jista’ jkun ta’ stress.

Fl-edukazzjoni għad għandna sfidi li rridu negħlbu u Gvern Nazzjonalista determinat li jagħmel dan. Hu għalhekk li se jinvesti b’viżjoni, b’serjetà u bi prijorità f’dan il-qasam bħalma dejjem għamel. Bħalma Gvern Nazzjonalista investa fl-Università ta’ Malta, investa bla preċedent fl-MCAST, u investa b’saħħa fl-iskejjel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza li l-edukazzjoni tkun marbuta mal-ekonomija u li jekk irridu naħsbu għal uliedna għax-xogħlijiet li se jkollhom għada, irridu nagħtuhom il-ħiliet meħtieġa llum. Gvern Nazzjonalista jrid jinvesti f’korsijiet speċjalizzati għall-oqsma tad-Data, l-AI u n-New Space, u f’taħriġ speċjalizzat fis-settur marittimu biex iħeġġeġ aktar żgħażagħ jidħlu f’dan il-qasam u fuq kollox biex dawn ikollhom il-ħiliet meħtieġa. Gvern Nazzjonalista se jinvesti wkoll f’dawk l-istudenti li jixtiequ jidħlu għal xogħol fil-qasam tas-saħħa bi stipendji daqs il-minimum wage.

Huwa qal li llum Malta għandha bżonn sistema edukattiva li terġa’ tqiegħed lill-istudent fiċ-ċentru, tagħti aktar rispett lill-għalliema, tifhem li mhux kulħadd jitgħallem bl-istess mod, u tappoġġja aktar is-saħħa mentali tat-tfal u taż-żgħażagħ.

F’dan il-kuntest, Alex Borg ippreżenta numru ta’ proposti ġodda għall-edukazzjoni:

  • Gvern Nazzjonalista jibni skola ġdida kull sena
    L-iskejjel il-ġodda jinbnew skont standards ambjentali għoljin, b’użu ta’ enerġija rinnovabbli, ħażna u użu għaqli tal-ilma. Ikunu mgħammra wkoll bl-aqwa faċilitajiet sportivi u spazji miftuħa biex jippromwovu s-saħħa fiżika u mentali tal-istudenti fl-iskejjel.
  • Gvern Nazzjonalista joħloq Ċentri tas-Snajja’
    Jinħolqu ċentri speċjalizzati ta’ snajja’ u ħiliet prattiċi, mgħammra b’faċilitajiet moderni. Dawn iservu bħala pont bejn l-edukazzjoni u x-xogħol, u jindirizzaw direttament in-nuqqas ta’ ħaddiema f’setturi kruċjali.
  • Gvern Nazzjonalista jara li l-kurrikulu jkun relevanti għal-lum
    Il-Kurrikulu jiġi ssimplifikat u mtejjeb biex ikun aktar relevanti għaż-żminijiet tal-lum. Dan japplika kemm għall-primarja kif ukoll għas-sekondarja.
  • Gvern Nazzjonalista jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-edukaturi
    Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jiġu msaħħa l-pakketti finanzjarji u l-kundizzjonijiet tal-għalliema, kif ukoll tal-LSEs tagħna.
  • Gvern Nazzjonalista jżid l-LSEs u jagħtihom ir-riżorsi meħtieġa
    Gvern ġdid Nazzjonalista jżid in-numru ta’ LSEs sabiex l-istudenti jkollhom is-sostenn meħtieġ u sabiex l-LSEs ma jkunu mgħobbija aktar milli jifilħu filwaqt li jagħtihom ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu xogħlhom bl-aqwa mod.
  • Gvern Nazzjonalista jinċentiva aktar studenti fis-saħħa
    Gvern ġdid Nazzjonalista jżid l-istipendju għall-istudenti kollha li jagħżlu suġġetti relatati mas-saħħa biex ikun fuq livell ta’ paga minima, jiġifieri madwar €1,000 fix-xahar.
  • Gvern Nazzjonalista iżid l-istipendji tal-istudenti kollha b’25%
    L-istipendji tal-istudenti kollha jiżdiedu b’25%. Dan jgħin biex jittaffa l-piż tal-għoli tal-ħajja għall-istudenti u l-familji tagħhom u biex ninvestu fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna.
  • Gvern Nazzjonalista jnaqqas it-taxxa għall-SMEs li joffru apprentistat
    In-negozji żgħar u medji li joffru apprentistat lil studenti jingħataw tnaqqis fit-taxxa ta’ €1,000 għal kull apprentist.

Alex Borg għalaq b’messaġġ dwar is-sondaġġi li qed isiru u qal li filwaqt li dawn jistgħu jippruvaw jaqtgħu qalb min qed jaħdem għall-bidla, dawn ukoll qed juru li għad hemm għexieren ta’ eluf li għadhom indeċiżi.

“It-triq għadha twila imma jekk flimkien naħdmu biex nikkonvinċu lil min għadu indeċiż, lil min qed jaqta’ qalbu, lil min għadu ma jafx kif se jivvota, inkunu nistgħu nkomplu nwasslu l-viżjoni tagħna. Biex inkomplu nuru kif irridu ntejbu l-ħajja tan-nies f’pajjiżna. Irridu nkomplu naħdmu biex fit-30 ta’ Mejju l-poplu jagħżel li jagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex tagħna,” qal Alex Borg.

L-attività kienet indirizzata wkoll minn Angele Pulis, Janice Darmanin, Petra Spiteri u Sarah Bajada, f’diskussjoni mmexxija minn Rebecca Toutoungi. Matul l-attività, il-kelliema tkellmu dwar l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom l-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri u l-familji fis-sistema edukattiva, kif ukoll dwar il-ħtieġa li l-edukazzjoni tingħata prijorità nazzjonali b’politika serja, fit-tul u mibnija madwar il-bżonnijiet tan-nies.

Angele Pulis qalet li ż-żgħażagħ illum għandhom għażla wiesgħa ta’ karrieri quddiemhom u dan hu fenomenu ġdid madwar id-dinja. Imma ħafna għadhom jitnaffru minn karriera fl-edukazzjoni – fosthom minħabba s-salarji baxxi, l-istress li tinvolvi karriera fl-edukazzjoni u kif il-professjoni ta’ edukatur qed tiġi proġettata mill-media. Hi ħeġġet lil dawk kollha li għandhom xewqa li jidħlu għal karriera fl-edukazzjoni biex jagħmlu dan il-pass. Hi semmiet l-importanza ta’ ħafna aktar investiment fl-edukazzjoni fis-suġġetti STEM, ix-xjenza, l-inġinerija u l-matematika, u qalet li dawn huma suġġetti fejn l-istudenti Maltin qed jaqgħu lura. Sostniet ukoll li għandna nuqqas qawwi ta’ studenti b’ħiliet fis-snajja’ u nuqqas ta’ studenti li jidħlu għall-kors tal-infermiera. Hi rreferiet ukoll għan-nuqqas ta’ preparazzjoni ta’ żgħażagħ li qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u rreferiet għal dak li qalet il-Malta Chamber dwar il-bżonn ta’ bidla radikali fil-kurrikulu li għandna, minn wieħed li jrid jimla l-imħuħ tat-tfal bl-informazzjoni għal wieħed li jagħti l-ħiliet biex persuna tiżviluppa. Inutli nibqgħu nitfgħu l-flus lejn il-problema mingħajr strateġija serja biex nirriformaw l-edukazzjoni ħalli tirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum.

Janice Darmanin sostniet li waħda mill-aktar affarijiet li jinkwetaw lill-ġenituri, f’dinja li qed tinbidel minn jum għal ieħor, hi jekk uliedhom ’il quddiem hux se jirnexxilhom isibu posthom f’xogħol li jagħtihom sodisfazzjon. Hi qalet li minkejja xi tibdil li sar, l-edukazzjoni f’pajjiżna għadha tibbaża wisq fuq l-eżamijiet. Hija qalet li rridu nimxu għal stil ta’ edukazzjoni li jiżviluppa l-ħiliet tat-tfal biex ikunu kapaċi jaslu huma għall-għarfien u jkunu kapaċi jimirħu u jiżviluppaw. Hi spjegat kif bħalma ġenituri li jkunu se jkollhom tarbija jew koppja li tkun se tiżżewweġ jagħmlu kors qabel, imma mbagħad ikollhom bżonn sostenn biex wara din il-bidla f’ħajjithom jibqgħu jingħataw direzzjoni, hekk ukoll fl-edukazzjoni. Kieku l-ġenituri jingħataw sostenn dwar kif jagħtu l-appoġġ lil uliedhom, dawn ikunu jistgħu jimirħu u jiżviluppaw dejjem aħjar. Hi qalet li t-tagħlim għandu jkun esperjenza ta’ pjaċir biex ikun aktar effettiv u faċli kemm għall-istudenti kif ukoll għall-edukaturi.

Petra Spiteri tkellmet dwar l-importanza li ngħinu lill-istudenti jiskopru dawk li huma l-aqwa ħiliet tagħhom permezz ta’ edukazzjoni li sservi lil kull student minkejja d-diversità. Hi qalet li dan hu vjaġġ li jinvolvi flimkien lill-istudent, lill-edukaturi u lill-ġenituri. Qalet ukoll li l-awtonomija tal-edukatur hija kruċjali biex tkun tista’ toffri l-aqwa tagħlim lill-istudenti skont il-bżonn tagħhom f’dak il-mument. Għalhekk ukoll huwa importanti ħafna li l-edukaturi jsibu s-sostenn sħiħ biex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Hi sostniet li investiment fl-edukazzjoni huwa l-aqwa investiment għal soċjetà aktar b’saħħitha. L-investiment fl-edukaturi ma jridx jieqaf fil-lat finanzjarju, imma għandu jinkludi wkoll l-appoġġ li jingħataw u kif l-esperjenza tagħhom ta’ edukaturi titħalla tkun waħda pożittiva u awtonoma mingħajr stress żejjed.

Min-naħa tagħha Sarah Bajada qalet li l-edukazzjoni mhijiex biss ir-riżultati u l-akkademja u li l-ġenituri huma minnhom infushom skola għat-tfal mill-mod kif jaġixxu u jirreaġixxu. Hi sostniet li spiss il-ġenituri jħossu li jridu jippruvaw ikunu perfetti, imma li t-tfal ma jfittxux il-perfezzjoni imma s-sostenn, il-ħin u l-appoġġ emozzjonali. Qalet li minbarra li jiffukaw fuq l-akkademiku, il-ġenituri għandhom jagħtu importanza wkoll lis-saħħa emozzjonali ta’ wliedhom. Dan jista’ jsir id f’id mal-iżvilupp akkademiku mal-edukaturi, biex it-tfal jiżviluppaw il-ħiliet u l-għarfien olistiku li jgħinuhom jiksbu s-suċċessi fil-ħajja tagħhom ta’ adulti.

17.05.2026