Nifs Ġdid għaż-żgħażagħ: aktar għajnuna għall-ewwel dar, inqas taxxa u aktar investiment fil-futur tagħhom
Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar pakkett ieħor ta’ proposti għaż-żgħażagħ u l-first-time buyers biex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jibnu ħajjithom f’Malta
Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar pakkett ieħor ta’ proposti għaż-żgħażagħ u l-first-time buyers biex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jibnu ħajjithom f’Malta
Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti prijorità nazzjonali liż-żgħażagħ u lill-first-time buyers bil-fatti, b’pakkett ta’ miżuri konkreti biex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jistudjaw, jaħdmu, ifaddlu, jixtru l-ewwel dar tagħhom u jibnu futur sigur fil-Malta li jridu jgħixu fiha.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg flimkien mal-kandidati tal-PN Bernice Bonello u Joseph Grech ħabbru aktar proposti għaż-żgħażagħ li jiżdiedu ma’ proposti li diġà tħabbru:

- Għajnuna biex jitħallas id-depożitu tal-ewwel dar
Il-Gvern jagħti għajnuna bla imgħax sa 10% tal-valur tal-proprjetà, li titħallas lura fuq 40 sena. Il-limitu tal-proprjetà eliġibbli jiżdied għal €450,000, biex first-time buyers ikunu jistgħu jingħataw għajnuna sa €45,000. Dan biex jirriffletti r-realtà tal-prezzijiet tal-proprjetà f’pajjiżna llum. - Ħlas lura ta’ nofs l-imgħax tas-self fuq id-dar għall-ewwel 10 snin
First-time buyers jingħataw lura 50% tal-imgħax tas-self fuq id-dar għall-ewwel 10 snin, direttament fil-kont bankarju tagħhom. Din l-għajnuna tista’ tlaħħaq madwar €46,800 fuq għaxar snin. - Eżenzjoni fuq il-bolla lill-first-time buyers sa €350,000
Il-Partit Nazzjonalista jwessa’ l-eżenzjoni tal-bolla għall-first-time buyers sa €350,000, biex aktar żgħażagħ u koppji jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom b’inqas piż fiskali. - Ħames snin bla taxxa fuq id-dħul sa €50,000 fis-sena
Żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jibdew jaħdmu jingħataw ħames snin bla taxxa fuq id-dħul sa €50,000 fis-sena. Dan jgħinhom iżommu aktar minn dak li jaqilgħu u jfaddlu għall-futur tagħhom. - Żieda ta’ 25% fl-istipendji
Gvern immexxi minn Alex Borg iżid l-istipendji tal-istudenti kollha b’25%, biex jgħin lill-istudenti u lill-familji tagħhom f’perjodu fejn il-ħajja qegħda kull ma jmur dejjem togħla. - Youth Pension Kick Start — €1,000 fis-sena għal ħames snin
Gvern Nazzjonalista jiddepożita €1,000 fis-sena għal ħames snin f’kont ta’ pensjoni privata għal kull persuna taħt il-35 sena li tidħol fi skema ta’ pensjoni privata. - Appoġġ lill-istudenti li huma ġenituri
Studenti żgħażagħ sa 35 sena li huma ġenituri jingħataw appoġġ addizzjonali daqs il-paga minima, biex ma jkollhomx jagħżlu bejn l-istudju u r-responsabbiltajiet tal-familja. - Aktar appoġġ għas-saħħa mentali u emozzjonali
Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti f’servizzi aktar effiċjenti u aċċessibbli għas-saħħa mentali u emozzjonali taż-żgħażagħ, b’messaġġ ċar li li titlob l-għajnuna mhix dgħufija iżda pass responsabbli u mezz kif wieħed iħares is-saħħa personali tiegħu. - Aċċess aħjar għal kliniċi tas-saħħa sesswali
Il-Partit Nazzjonalista jsaħħaħ l-aċċess taż-żgħażagħ għal kliniċi tas-saħħa sesswali, counselling, screeningu prevenzjoni skont gwida medika u professjonali biex anke dan l-aspett tas-saħħa jkun aktar aċċessibbli u biex tissaħħaħ il-prevenzjoni tal-mard sesswali.
Alex Borg qal li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jistħoqqilhom futur aħjar f’pajjiżhom stess. Illum ħafna żgħażagħ, minkejja li jistudjaw u jaħdmu, qed isibuha diffiċli biex ifaddlu biżżejjed, jixtru darhom u jibnu ħajja stabbli f’Malta.

Huwa qal li bħala żagħżugħ, u bħala persuna li tiltaqa’ maż-żgħażagħ kuljum, jifhem mill-qrib id-diffikultajiet tagħhom. Fakkar ukoll fil-laqgħa tiegħu mal-istudenti tal-MCAST, fejn sema’ direttament il-prijoritajiet tagħhom u qasam magħhom il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-futur ta’ Malta.
Alex Borg sostna li l-housing affordabbli sar waħda mill-akbar pjagi f’pajjiżna. Qal li ltaqa’ ma’ ħafna żgħażagħ, koppji, persuni single, separati, divorzjati, li ħadu annullament u studenti li l-akbar inkwiet tagħhom huwa kif se jaslu biex jixtru dar diċenti fejn jgħixu u jibdew familja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-pakkett huwa risposta diretta għal dak li qed jgħidu ż-żgħażagħ. Huwa sostna li dawn huma miżuri ta’ ġustizzja soċjali, għax il-ġid li jinħoloq fl-ekonomija għandu jgħaddi direttament għand in-nies.
Alex Borg temm jgħid li din mhijiex politika li tibqa’ miktuba fuq il-karta biss, iżda politika maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ. Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista huwa ċar: iż-żgħażagħ għandhom jerġgħu jemmnu li jistgħu jibnu ħajjithom f’Malta, u li l-pajjiż jerġa’ jkun fuq in-naħa tagħhom.

Joseph Grech qal li l-proposti dwar ix-xira ta’ proprjetà se jagħtu Nifs Ġdid mhux biss lil żgħażagħ, koppji jew single, li jkunu jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom imma anke lil persuni separati, divorzjati jew bi żwieġ annullat, li jkunu qed jippruvaw jixtru l-ewwel dar tagħhom waħidhom. Il-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwar l-isfidi ta’ min irid jixtri l-ewwel dar tiegħu, sew jekk hux żagħżguħ u sew jekk hux persuna akbar fl-età. Waqt l-intervent tiegħu hu rrefera wkoll għall-argumenti li pprova jagħmel ilbieraħ Clyde Caruana biex jiskredita dawn l-għajnuniet b’saħħithom li se jagħti Gvern Nazzjonalista. Permezz tal-costings kollha li juru kemm hu żbaljat Clyde Caruana fil-kalkoli li għamel hu ġab fix-xejn kull argument imressaq minn Clyde Caruana. Hu qal li dik li qed naraw mil-Labour ta’ kuljum hi l-politika ta’ negattività li ma tagħmilx ġieħ lill-politika.

Bernice Bonello qalet li l-proposti tal-PN għaż-żgħażagħ iridu jagħtu Nifs Ġdid biex iż-żgħażagħ ikollhom ċans igawdu ż-żgħożija tagħhom kemm jista’ jkun, kif ukoll iridu jgħinu lil dawk iż-żgħażagħ li qed jaħsbu biex minn età żgħira jinvestu f’pensjoni privata biex la jikbru jkollhom aktar serħan il-moħħ. Hi qalet li Gvern Nazzjonalista qed jaħseb ukoll għal studenti żgħażagħ li huma ġenituri u jrid jinċentivahom biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet u l-għarfien tagħhom. Il-proposti mressqa llum se jfissru għodda kruċjali biex tiġi miġġielda l-istigma fejn tidħol saħħa mentali b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ kif ukoll jiggarantixxu servizz aħjar ta’ ħarsien tas-saħħa sesswali. Hi qalet li Gvern Nazzjonalista jrid jagħti l-aqwa ħajja liż-żgħażagħ tagħna f’pajjiżna.
15.05.2026