01. Skola Nazzjonali ġdida STEAM (Science, Technology, Engineering, Arts u Mathematics)

Inwaqqfu Skola Sekondarja Nazzjonali speċjalizzata f’STEAM, li tkun istituzzjoni edukattiva u innovazzjoni tal‑ogħla livell. Din l‑iskola toffri kurrikulu avvanzat ibbażat fuq riċerka, problem‑solving u proġetti reali f’oqsma bħar‑robotika, coding, data science, bioengineering u creative design.
L‑istudenti jingħataw tagħlim personalizzat minn għalliema u professjonisti speċjalizzati, u jiġu evalwati b’mod kontinwu fuq il‑potenzjal li juru, mhux biss fuq eżamijiet. Il‑kampus jinkludi laboratorji cutting‑edge, maker spaces u kollaborazzjoni diretta ma’ l-Università, start‑ups u industrija. Din tkun “talent accelerator” nazzjonali, b’aċċess għal kulħadd.
Barra minn hekk, il‑proġett jespandi f’STEAM Innovation Campus li jinkludi inkubatur ta’ start‑ups, ċentru ta’ riċerka għall‑istudenti u programmi tas‑sajf. Dan joħloq mixja ċara minn tagħlim u żvilupp ta’ ħiliet għal innovazzjoni u impjiegi ta’ valur għoli.
Din l‑iskola tkun ukoll marbuta ma’ programmi internazzjonali. Filwaqt li niftħu din l‑iskola sekondarja ġdida għall‑istudenti li jridu jistudjaw aktar fil‑fond dawn l‑oqsma biex ikomplu javvanzaw fihom meta jikbru aktar, l‑istudenti fl‑iskejjel sekondarji xorta jkunu esposti għal dawn is‑suġġetti.
Din il‑proposta hija investiment dirett fil‑kapital uman ta’ Malta u pedament għall‑bidla lejn ekonomija bbażata fuq l‑innovazzjoni u produttività għolja. Hija wkoll risposta konkreta għall‑isfida ta’ skills shortage u dipendenza fuq ħaddiema barranin. Barra minn hekk, toħloq aspirazzjoni ġdida fis‑soċjetà fejn ix‑xjenza, it‑teknoloġija u l‑kreattività jsiru pilastri tal‑identità nazzjonali u tal‑kompetittività tagħna.
02. Skejjel ġodda skont l‑ammont ta’ studenti fil‑lokalitajiet tagħna‑l‑aqwa skejjel pubbliċi – skola ġdida kull sena
Nimplimentaw pjan nazzjonali ta’ infrastruttura edukattiva bbażat fuq studju xjentifiku tal‑“carrying capacity” tal‑iskejjel. Dan jidentifika b’mod preċiż fejn hemm bżonn skejjel ġodda jew espansjoni, biex ma’ jkunx hawn klassijiet iffullati u ineffiċjenzi li jaffettwaw direttament il‑kwalità tat‑tagħlim tal‑istudenti. Il‑wegħda tagħna miegħek hi li l‑iskejjel pubbliċi jkunu l‑aħjar f’Malta. Irridu l‑aħjar standards f’kull skola u dan jgħodd mill‑klassijiet għall‑istaff rooms, mill‑laboratorji għall‑ispazji miftuħa fl‑iskejjel. Bħalma għamlu Gvernijiet Nazzjonalista, nibnu mill‑anqas skola ġdida kull sena u jiġu rranġati dawk eżistenti.
03. Skejjel moderni, ġodda u “green schools”
Nibnu skejjel ġodda skont standards ambjentali għoljin, b’użu ta’ enerġija rinnovabbli, ħażna u użu għaqli tal‑ilma, faċilitajiet sportivi u spazji miftuħa. L‑iskejjel isiru wkoll laboratorji ħajjin ta’ sostenibbiltà, fejn
l‑istudenti jitgħallmu permezz ta’ prattika diretta u mhux biss teorija. Dan iħejjihom għal ekonomija sostenibbli u jikkultiva drawwiet tajbin li jaslu d‑dar u fil‑komunità. Għalhekk waqt li jissaħħu l‑programmi eżistenti bħall‑EkoSkola, Dinja Waħda, u programmi oħrajn ikunu introdotti sistemi fejn il‑politikatas-sostenibilità tal‑iskejjel tkun aġġornata u ħolistika.
04. Programm permanenti ta’ manutenzjoni u modernizzazzjoni
Nintroduċu sistema strutturata ta’ manutenzjoni u upgrade kontinwu tal‑faċilitajiet edukattivi u sportivi fl‑iskejjel. Dan inaqqas spejjeż fit‑tul, jipprevjeni deterjorazzjoni tal‑bini u jiżgura ambjent sigur u adegwat għat‑tagħlim. Nintroduċu staff dedikat għall‑finanzi u manutenzjoni f’kull skola biex il‑kapijiet jiffokaw fuq il‑missjoni edukattiva.
05. Maker spaces u laboratorji STEAM f’kull skola sekondarja
Ninvestu aktar fi spazji dedikati għall‑innovazzjoni f’kull skola sekondarja, mgħammra b’teknoloġija moderna bħal 3D printers, robotics u għodod diġitali. Dawn jippermettu tagħlim ibbażat fuq proġetti u jsaħħu l‑ħiliet ta’ kreattività, problem‑solving u innovazzjoni fost l‑istudenti. It‑tagħmir teknoloġiku jrid jiġi aġġornat kontinwament biex l‑istudenti jkollhom dak li hu l‑aktar avvanzat.
06. Faċilitajiet moderni għall‑istudenti fl‑isport u l‑arti
Ninvestu f’faċilitajiet sportivi u artistiċi moderni fl-iskejjel kollha biex nappoġġjaw l‑iżvilupp ħolistiku tal‑istudenti. L‑edukazzjoni ma tistax tkun biss akkademika; għandha tinkludi wkoll espressjoni kreattiva u benesseri fiżiku bħala parti integrali mit‑tagħlim.
07. Sistema moderna u effiċjenti tat‑trasport tal‑istudenti
Noħolqu sistema nazzjonali koordinata tat‑trasport tal‑iskejjel li tnaqqas it‑traffiku u ttejjeb il‑puntwalità. Din tinkludi ppjanar aħjar tar‑rotot, sigurtà akbar u integrazzjoni ma’ sistemi ta’ mobilità sostenibbli. Nintroduċu School Wardens biex jassistu u jimmaniġġjaw it‑traffiku fil‑viċinanzi tal‑iskejjel u dan ikun jgħodd għall‑iskejjel kollha, inkluż dawk privati u tal‑Knisja.
08. Inżidu l‑istipendji b’25%
L‑istipendji tal‑istudeni kollha jiżdiedu b’25%. Studenti li jsegwu korsijiet fis‑saħħa se jingħataw stipendju ta’ madwar €1,000 fix‑xahar.