Il-Gvern għandu l-obbligu li jkun onest, ċar u trasparenti u jserraħ ras kulħadd dwar il-futur tal-Air Malta

Wara li dalgħodu ħarġu rapporti ta’ The Shift News li jgħidu li l-Air Malta se tagħlaq fix-xhur li ġejjin, il-Gvern għandu jkun onest, ċar u trasparenti u jgħid pubblikament eżatt x’se jkun qed jiġri dwar l-Air Malta.
Aħbar bħal din toħloq inċertezza f’moħħ ħafna nies, fosthom l-impjegati u l-familji tagħhom, kull min jaħdem fl-industrija tat-turiżmu u klijenti tal-linja tal-ajru, fost oħrajn. Is-skiet inspjegabbli min-naħa tal-Gvern ma jagħmel xejn ħlief ikattar din l-inċertezza.
Wara li l-Gvern tal-Labour kien abbanduna l-pjan serju ta’ ristrutturar li kien qed jiġi segwit, u wara li Ministru wara l-ieħor b’suċċessjoni ta’ deċiżjonijiet konfliġġenti baqgħu jserrħu ras kulħadd li l-Air Malta se tkun profittabbli u salvata, issa qed nisimgħu li l-Air Malta jista’ jkun li tagħlaq.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-poplu Malti u Għawdxi jistenna li l-Gvern ta’ Robert Abela jkun trasparenti u onest dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru, kif inhu d-dmir ċar tiegħu.
Ivan J. Bartolo
Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda
Mario de Marco
Kelliem għat-Turiżmu
Ivan Castillo
Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol
15.04.2023
Posted Under: Uncategorized