Il-protezzjoni tar-raba’ agrikolu għall-użu mill-bdiewa u r-raħħala tagħna tkun prijorità għal Gvern ġdid Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista jappogġja lill-24 entità agrikola li, flimkien mal-Kamra tal-Periti, qed jitolbu għall-protezzjoni neċessarja fil-konfront ta’ raba’ agrikolu.
In-nuqqas ta’ art agrikola qed iwassal għal nuqqas kbir ta’ sigurtà ta’ ikel f’pajjiżna, fejn il-produzzjoni ta’ ikel lokalment għall-konsum tal-poplu tagħna tammonta biss għal madwar 25% ta’ dak kollu li nikkonsmaw. Il-kumplament ikollna nimpurtawh minn barra l-pajjiż.
Għalhekk huwa importanti li nipprovdu l-protezzjoni kollha neċessarja għar-raba’ agrikolu li għad fadlilna f’pajjiżna. Għalkemm bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ nħoloq qafas legali li joffri ċerta protezzjoni lir-raba’ agrikolu tal-privat u lill-bdiewa li jkunu qed jaħdmuh, il-Gvern għadu jirrifjuta li jmexxi b’eżempju u jagħti l-istess protezzjoni lir-raba’ li hu proprjetà tal-Gvern. Apparti l-fatt li għadu jirrifjuta wkoll li jagħmel katast ta’ art agrikola li hi proprjetà tal-gvern, kif ippropona kemm-il darba l-PN.
Bdiewa u raħħala, speċjalment dawk żgħażagħ, mhux qed jiġu aġevolati biex art agrikola tal-gvern li ma tkunx qed tinħadem tingħata lilhom biex jaħdmuha. Anzi, bil-kirjiet esaġerati maħruġa mill-Gvern permezz ta’ sejħiet għall-offerti, din l-art qed tmur għal użu rikreattiv minflok għal użu agrikolu.
Barra minn hekk, l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta – li ġiet imwaqqfa madwar sena ilu biex, fost oħrajn, tirreġistra kirjiet agrikoli, tistabbilixxi miżuri għall-ħarsien tar-raba’ agrikolu u tgħin bdiewa u raħħala zgħażagħ jixtru art agrikola – għadha mhix qed tiffunzjona kif mixtieq.
Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jkun qed jagħti s-serħan il-moħħ meħtieġ lill-bdiewa u r-raħħala tagħna li art agrikola tingħata l-protezzjoni kollha neċessarja billi, fost oħrajn, tkun disponibbli għall-użu tagħhom biex b’hekk il-kontribuzzjoni tal-bidwi u r-raħħal lejn is-sigurezza tal-produzzjoni tal-ikel f’pajjiżna tiżdied b’mod sostanzjali, b’hekk jibbenefikaw kemm il-bidwi u r-raħħal kif ukoll il-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Toni Bezzina
Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd