Pajjiżna jerġa’ jsir leader fit-teknoloġija u jattira l-investiment taħt Gvern ġdid Nazzjonalista
Il-PN għandu l-viżjoni, il-ħiliet u d-determinazzjoni li jerġa’ jpoġġi lil Malta fuq quddiem nett
Il-Partit Nazzjonalista huwa lest biex imexxi lil Malta lejn futur isbaħ. M’aħniex sempliċement noffru wegħdiet; qed noffru strateġija konkreta li tindirizza l-isfidi enfasizzati fl-EY Malta Attractiveness Survey 2024.
Nifhmu li t-triq ’il quddiem mhix faċli. Iżda aħna għandna l-viżjoni, il-ħiliet, u d-determinazzjoni biex Malta tiffjorixxi mill-ġdid.
Ix-Shadow Minister għax-Xogħol u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J Bartolo dalgħodu indirizza l-konferenza annwali organizzata mill-EY fin-nuqqas tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li jinsab indispost.
Ivan J Bartolo qal li r-riżultati tal-EY Malta Attractiveness Survey ta’ din is-sena jikkonfermaw dak li ħafna, inkluż il-PN, ilhom jaħsbu: il-vantaġġ kompetittiv formidabbli ta’ Malta qed jonqos. L-investituri, kemm lokali kif ukoll barranin, qed isiru dejjem aktar inċerti dwar il-futur ta’ pajjiżna, imma l-isfidi, għalkemm reali, mhumiex insormontabbli.
Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ċara u ffukata għal Malta, viżjoni mibnija fuq tliet prinċipji ewlenin:
Nirrestawraw l-integrità
Ix-Shadow Minister spjega kif l-inċertezza maħluqa mill-inkonsistenza ta’ xi politiċi u nuqqas ta’ trasparenza wasslet għal telf ta’ fiduċja, mhux biss fost in-negozji iżda wkoll fost il-pubbliku. Dan jidher anke fis-sondaġġ tal-EY.
Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jibni mill-ġdid il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħna permezz ta’ tisħiħ tal-qafas regolatorju u t-trasparenza.
Inrawmu l-innovazzjoni
L-Innovazzjoni m’għadhiex lussu. Pajjiżna għadu jaħsad dak li żera’ fis-setturi llum tradizzjonali, bħas-servizzi finanzjarji u l-iGaming, iżda għadna ma sfruttajniex bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji ġodda.
Malta trid illum qabel għada tinvesti fi żvilupp teknoloġiku u toħloq ekosistema dinamika għall-istartups u l-kumpaniji kbar.
Gvern ġdid Nazzjonalista jivesti bis-saħħa fir-riċerka u l-iżvilupp, u jixpruna l-istartups u l-kumpaniji li qed jikbru. Malta tkun leader f’setturi bħall-intelliġenza artifiċjali, ix-xjenzi tal-ħajja, enerġija nadifa, u industriji diġitali.
Nibnu futur sostenibbli
Id-dinja qed tinbidel, u n-negozji qed ifittxu pajjiżi li jagħtu prijorità lis-sostenibbiltà. Fl-istħarriġ ta’ din is-sena, il-fatturi ambjentali, soċjali, u ta’ governanza (ESG) ġew identifikati bħala kruċjali għall-investimenti futuri.
Gvern ġdid Nazzjonalista jqiegħed is-sostenibbiltà fil-qalba tal-politika tiegħu. Nimxu lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, ninvestu f’enerġija li tiġġedded u teknoloġiji ħodor.
Iżda biex naslu għal Malta sostenibbli u prosperuża li taħdem għal kulħadd, jeħtieġ strateġija.
Ivan J Bartolo spjega l-istrateġija li fassal il-Partit Nazzjonalita biex iwassal lil pajjiżna għall-prosperità.
Kontinwità tan-Negozju u Governanza
Il-pressjoni dejjem tikber fuq l-infrastrtuttura ta’ Malta riżultat tat-tkabbir fil-popolazzjoni hi fost l-ewwel ħaġa li trid tiġi indirizzata.
Gvern Nazzjonalista jimplimenta governanza stretta fuq il-permessi tax-xogħol, jiżgura li jingħataw permess biex jaħdmu f’Malta biss dawk li jġibu magħhom ħiliet li neqsin minnhom f’pajjiżna.
Nifhmu sew li n-negozji għandhom bżonn żmien biex jadattaw, u l-PN impenjat li jipprovdi l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa għal din it-tranżizzjoni. Flimkien, se nibnu Malta li hija kompetittiva, reżiljenti, u kapaċi tirnexxi fis-seklu 21.
Invenzjoni mill-ġdid tal-Marka ta’ Malta
Kif juru r-riżultati tal-istħarriġ, ir-reputazzjoni ta’ Malta sofriet f’dawn l-aħħar snin.
Il-Partit Nazzjonalista se jniedi sforz komprensiv biex nibnu mill-ġdid il-Marka Malta billi nirrestawraw il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħna, niżguraw li Malta tibqa’ art kompetittiva u ġusta għan-negozji.
Malta terġa’ ssir membru rispettat tal-Unjoni Ewropea, pajjiż li jżomm l-ogħla standards ta’ governanza u ġustizzja.
Ninkoraġġixxu l-istartups u l-innovazzjoni
Gvern ġdid Nazzjonalista ikun l-ewwel li jaddotta teknoloġiji ġodda u jappoġġja soluzzjonijiet innovattivi fis-setturi kollha. Nintroduċu l-Malta Skills Bank, biex ngħaqqdu t-talent żagħżugħ ma’ negozji li għandhom bżonn il-ħiliet tagħhom. Barra minn hekk, l-Iskema tal-Investituri Strateġiċi tagħna se tinkoraġġixxi kumpaniji internazzjonali u lokali biex jinvestu fix-xena tal-istartups ta’ Malta li qed tikber.
Malta ssir ċentru għall-innovazzjoni, fejn l-istartups jitmexxew mill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ intraprendituri.
Naħdmu mal-istakeholders, nikkollaboraw
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-qawwa tad-djalogu u l-kollaborazzjoni.
Ivan J Bartolo qal li l-Partit Nazzjonalista jaħdem biex jintlaħaq kunsens dwar kwistjonijiet ewlenin. Niżguraw li l-istakeholders kollha jkollhom vuċi fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Ir-rwol tagħna se jkun dak ta’ faċilitatur, gvern li jisma’, jinvolvi ruħu, u jikkollabora biex isib l-aħjar soluzzjonijiet għall-pajjiż tagħna.
Appoġġ għas-setturi eżistenti ta’ Malta
Is-setturi eżistenti ta’ Malta, bħall-iGaming, il-marittimu, l-avjazzjoni, u s-servizzi finanzjarji ilhom is-sinsla tal-ekonomija tagħna għal ħafna snin. Madankollu, kif jenfasizza l-istħarriġ, dawn is-setturi qed jiffaċċjaw pressjoni dejjem tikber mill-kompetizzjoni globali, sfidi regolatorji, u tibdil teknoloġiku.
Gvern ġdid Nazzjonalista jirriġenerahom u jimmodernizzahom permezz ta’ workshops, diskussjonijiet, u sessjonijiet ta’ strateġija biex niżguraw li Malta tibqa’ kompetittiva f’dawn is-setturi ewlenin.
Ħolqien ta’ industriji speċifiċi godda
Fl-2022, il-Partit Nazzjonalista ippropona l-ħolqien ta’ industriji ġodda. Minn dak iż-żmien, id-dinja nbidlet, u l-opportunitajiet disponibbli għalina nbidlu wkoll.
Eżempju wieħed hija l-evoluzzjoni mgħaġġla fl-intelliġenza artifiċjali (AI) li evolvew malajr f’Intelligence Augmentation (IA). Filwaqt li l-AI tiffoka fuq it-teknoloġija, l-IA tpoġġi lill-bnedmin fiċ-ċentru, billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-bniedem bit-teknoloġija.
Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fl-iżvilupp ta’ industriji ġodda bħal IA, biex niżguraw li Malta tibqa’ fuq quddiem tal-innovazzjoni globali.
Flimkien, se noħolqu Malta li hija kompetittiva, reżiljenti, u prosperuża, pajjiż fejn in-negozji jirnexxu, fejn l-opportunitajiet huma abbundanti, u fejn il-kwalità tal-ħajja hija l-ogħla prijorità.
Il-Partit Nazzjonalista huwa lest li jkun l-aġent tal-bidla, u nistiednuk tingħaqad magħna f’din il-vjaġġ lejn Malta aħjar u iktar brillanti.