Il-Partit Nazzjonalista (PN) huwa partit politiku Malti li jaħdem kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Huwa parti mill-akbar familja politika fl-Unjoni Ewropea, il-Partit Popolari Ewropew (PPE), li jiġbor flimkien partiti simili minn madwar l-Ewropa.
Il-PN huwa partit li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru ta’ dak kollu li jagħmel. L-għan tiegħu hu li jaħdem għall-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi, filwaqt li dejjem jirrispetta u jħares id-dinjità ta’ kull persuna.
L-għan ewlieni tal-Partit Nazzjonalista hu l-iżvilupp tan-nazzjon b’mod l-iktar sħiħ, ġust, demokratiku u sostenibbli għat-tgawdija ta’ kulħadd bil-ħarsien u t-twettiq tal-ġid komuni u b’rispett totali lejn is-Saltna tad-Dritt.
Fil-qalba tal-missjoni tal-partit hemm il-ġid ta’ kulħadd. Dan isir b’rispett sħiħ lejn il-valur u d-drittijiet kollha tal-ħajja umana u d-dinjità ta’ kull persuna. Il-partit jippromwovi wkoll sens t’għaqda bejn in-nies, fejn aħna lkoll parti minn umanità waħda li tinkludi diversità ta’ kulturi.
Il-Partit iħares lejn il-politika bħala l-ogħla sejħa u impenn għal servizz b’rieda tajba fl-interess tal-poplu u bħala għodda fejjieda u lajka fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum li jaffaċċjaw in-nies.
Fil-ħidma tiegħu l-Partit ifittex li l-Istat ikun il-qaddej ta’ niesu. Dan għandu jsir billi d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod trasparenti dejjem fl-eqreb livell tan-nies skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà bis-sehem attiv ta’ kull ċittadin.
Il-Partit jemmen bis-sħiħ li f’dinja globalizzata, s-solidarjetà hija t-tarka ewlenija biex ħadd ma jibqa’ lura fil-mixja tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali u fis-servizzi li joffri l-Istat, filwaqt li jibqa’ jgħasses biex għall-ġejjieni l-poplu jkompli jgawdi l-aqwa ġid.
Għalhekk jispikka s-sehem ewlieni tiegħu fil-modernizzazzjoni ta’ pajjiżna. Il-kisbiet tal-Indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea huma fost l-ikbar kisbiet storiċi li sawruna f’nazzjon sovran, modern u Ewropew.
Filwaqt li jħaddan soċjetà dejjem iżjed pluralistika u multi-kulturali, il-Partit jemmen f’soċjetà inklussiva fejn tixxettel l-għaqda b’kultura ta’ djalogu fir-rispett tad-diversità ta’ fehmiet u twemmin, u fejn jopponi kull forma ta’ mibegħda u vjolenza.
Il-Partit iqis id-dinja bħala d-dar komuni tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Għalhekk, il-PN jemmen li l-aħjar mod kif titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd huwa billi tingħata prijorità lill-ħarsien u l-promozzjoni tal-ambjent, tar-riżorsi naturali, tal-beni komuni u tal-ispazji pubbliċi. L-ambjent ta’ madwarna huwa parti fundamentali mill-wirt li naqsmu flimkien bħala umanità. F’dan il-kuntest, il-PN jagħti importanza kbira lit-tibdil fil-klima, lill-ġustizzja ambjentali u lir-responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada.
Il-Partit iwettaq dawn il-prinċipji u jimpenja ruħu li jaħdem biex:
- kulħadd jiżviluppa u jħares saħħtu, mill-konċepiment sal-aħħar nifs, b’enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, f’familja mibnija fuq l-imħabba, mingħajr id-dellijiet ta’ faqar, diskriminazzjoni, abbuż u esklużjoni;
- kulħadd, tul ħajtu, ikollu opportunità għall-edukazzjoni u għall-iżvilupp tal-ħiliet individwali bl-għajnuna tal-aqwa tagħlim u appoġġ personalizzat, u li jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja tal-familja, tax-xogħol u tas-soċjetà ċivili;
- kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp ekonomiku li jkattar xogħol dinjituż imħallas b’mod ġust, u f’qafas t’istituzzjonijiet li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-impriżi, partikolarment dawk żgħar u medji, li jippromwovu l-inizjattiva u l-imprenditorjalità b’investiment qawwi fil- faċilitajiet tar-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni;
- kulħadd jibbenefika mit-tkattir tal-faċilitajiet kulturali u jistagħna fl- għarfien u l-imħabba tal-wirt storiku, kulturali u tal-arti biex nibqgħu niġġeddu soċjalment bil-ħiliet kreattivi u artistiċi tal-poplu tagħna;
- il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkollhom Stat li jibqa’ jagħmel kemm jista’ biex iseħħu l-paċi u l-ġustizzja f’Malta, fl-Ewropa u fid- dinja, l-aktar fil-Mediterran fejn jiltaqgħu u jitħalltu ċiviltajiet differenti.
Il-Partit jimpenja ruħu li jimxi fuq dawn il-prinċipji fl-istess waqt li jfittex li jaħdem bis-sħiħ ma’ kull persuna, entità u mal-gruppi volontarji kollha.