Programm Elettorali
Din il-kampanja elettorali hija mibnija fuq wegħda ċara: b’dak li qed nipproponu rridu li nagħtu nifs ġdid lil Malta u Għawdex. Nifs ġdid lilek.
Fix-xhur li għaddew iltqajt ma’ ħafna minnkom fid-djar, fil-pjazez u fuq il-postijiet tax-xogħol. Smajt it-tamiet, u l-aspirazzjonijiet tagħkom. Fuq kollox, fhimt kemm tħobbu lil pajjiżna. Bħalkom, jien kburi li jien Malti, u nemmen li flimkien nistgħu nibnu Malta u Għawdex li jistħoqqlok, li jistħoqqilhom uliedna.
Fil-programm elettorali qed nispjegaw kif nifs ġdid ifisser pajjiż li jerġa’ jaħdem għan-nies: fejn inti jkollok aktar serħan il-moħħ, politika li tagħti futur liż-żgħażagħ f’pajjiżna, l-anzjani jgħixu bid-dinjità, u l-ħaddiema jkollhom paga aħjar. Nifs ġdid ifisser ukoll ekonomija ġustafejn is-sidien tan-negozji jsibu gvern li jgħinhom u mhux li jfixkilhom, kura tas-saħħa fil-pront, edukazzjoni li tħejji għad-dinja ta’ għada, sistema tat-trasport effiċjenti biex int ma tinqabadx fit-traffiku, kontijiet orħos u ambjent nadif li jagħtik nifs tajjeb għal saħħtek. Nifs ġdid ifisser ukoll Għawdex bħala reġjun b’potenzjal enormi li joffri futur lill-Għawdxin u jibqa’ ġawhra għall-Maltin
Dan il-programm elettorali jippreżenta pjan ċar u realistiku biex inwettqu din il-viżjoni. Proposti konkreti biex intejbu l-ħajja tiegħek u nagħtu direzzjoni aġġornata lill-pajjiż.
Dan huwa l-impenn tagħna miegħek. Flimkien nistgħu nagħtu lil Malta nifs ġdid.