Malta Żagħżugħa għax irridu pajjiż mimli enerġija biex jitmexxa u jimxi ‘l quddiem
Jitħabbru d-dettalji tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista
It-tema tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Malta Żagħżugħa, ma ntgħażlitx bl-addoċċ. Għax kulħadd qed jifhem li pajjiżna għandu sfidi kbar quddiemu.
Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut spjega kif anke l-Gvern issa jaf li l-poplu hu mxebba’, tant li bħala tema għall-Budget tas-sena d-dieħla għażel “Naħdmu lejn Pajjiż ta’ Kwalità”, bħal donnu jaf li qed ngħixu f’pajjiż fejn il-kwalità ħadet daqqa sew lura.
Spjega kif id-daqqa lura taha l-istess Gvern li ripetutament, minħabba tmexxija mhux iffukata u bla direzzjoni, ħa deċiżjonijiet li ħolqu u qed ikomplu joħolqu problemi għall-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll għal min irid jinvesti f’pajjiżna. Għandna Gvern li l-ewwel jgħaffiġha, imbagħad jara kif se jbenġilha.
Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN spjega li issa drajna l-istil tal-Gvern Laburista, tant li n-nuqqas ta’ ppjanar issa sar it-timbru ta’ dan il-Gvern. Il-poplu issa għeja u xeba’ u jrid Gvern li jagħtih serħan il-moħħ fuq kull livell – fuq livell ekonomiku, fuq livell soċjali, fuq livell edukattiv, fl-ambjent u fil-governanza.
Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu titjib fil-kwalità tal-ħajja, kemm fuq livell personali kif ukoll bħala pajjiż, li jħares ’il quddiem biex jirbaħ il-kompetizzjoni u jibqa’ kompetittiv. Fl-isfond ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem għal Malta Żagħżugħa għax irridu pajjiż mimli enerġija biex jitmexxa u jimxi ’l quddiem. Malta Żagħżugħa, mimlija enerġija u determinazzjoni biex bit-tama u l-kuraġġ fina nfusna, il-poplu Malti u Għawdxi jkollu ġejjieni aħjar.
Mark Anthony Sammut temm jgħid li dan il-Kunsill Ġenerali hu l-bidu ta’ din il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, li se twassal biex mill-Gvern, iwettaq bis-sħiħ din iż-żgħożija ta’ pajjiżna.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-PN Stefan Caruana, li spjega kif il-Kunsill Ġenerali se jkun imqassam fuq ġimagħtejn u jibda għada l-Erbgħa bi tliet Assemblej, li jintemmu l-Ġimgħa u li għalihom jattendu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-Viċi Kap Alex Perici Calascione u l-amministrazzjoni tal-Partit. Tnejn se jsiru f’Malta u waħda f’Għawdex.
Il-Ħadd li ġej, tinżamm l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali, li matulha l-Kap tal-PN Bernard Grech se jkun intervistat minn tliet ġurnalisti. Din is-sessjoni se ssir fil-lukanda Radisson Blu Resort ta’ San Ġiljan.
Is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv kompla li l-Kunsill Ġenerali mbagħad ikompli l-Ġimgħa 8 ta’ Novembru bit-tieni sessjoni plenarja, li wkoll se tagħti spazju għal aktar kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali biex jagħmlu l-intervent tagħhom u li tagħlaq bl-intervent tal-Viċi Kap Alex Perici Calascione. Il-Kunsill Ġenerali mbagħad jagħlaq il-Ħadd 10 ta’ Novembru, fejn se jkun hemm diversi interventi minn kelliema varji u jagħlaq bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Stefan Caruana spjega li dan il-Kunsill Ġenerali mhuwiex biss opportunità biex dawk li huma diġà attivi fi ħdan il-Partit ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom, iżda se jipprovdi wkoll spazju għal min irid jifhem aktar dwar it-tifsira sħiħa tal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta Żagħżugħa.
29.10.2024