Il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Qorti tieħu azzjoni wara li l-PBS baqa’ jikser ordni tagħha dwar reklamar partiġjan
AĦBAR

Il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Qorti tieħu azzjoni wara li l-PBS baqa’ jikser ordni tagħha dwar reklamar partiġjan

Għax jemmen li kulħadd għandu l-obbligu li josserva l-liġi, il-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni tal-Qorti dwar il-ksur tal-ordni tagħha mill-PBS, filwaqt li talabha tieħu l-azzjoni meħtieġa, twaqqaf dan l-abbuż darba għal dejjem u tagħti rimedju lill-Partit Nazjonalista.

Dan kien il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino matul konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Qorti wara li saret din it-talba, hekk kif it-Tnejn li għadda l-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni tal-Partit Nazzjonalista kontra l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS. Dan wara li x-xandir suppost pubbliku nstab ħati li xandar reklamar partiġjan lejlet il-Budget.

It-Tnejn stess, il-Qorti laqgħet proviżorjament il-mandat ta’ inibizzjoni tal-Partit Nazzjonalista u ordnat lill-PBS jieqaf ixandar dak ir-reklam partikolari u kwalunkwe reklam partiġjan ieħor.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif, taħt il-Liġi Maltija, reklamar partiġjan hu illegali sakemm ma jkunx parti minn skema tal-Awtorità tax-Xandir, li bħalissa m’hemmx. Madankollu, u kontra l-ordni tal-Qorti, it-Tnejn filgħaxija, it-Tlieta u lbieraħ stess, il-PBS baqa’ jxandar reklami politiċi.

Spjega kif anke l-Awtorità tax-Xandir ikkonfermat ilbieraħ li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ħareġ akkuża kontra l-PBS minħabba xandir ta’ spot li jmur kontra l-liġi. Tenna li f’pajjiż demokratiku u li jimxi mas-saltna tad-dritt, ma tistenniex li stazzjon imħallas mit-taxxi jikser il-liġi b’dan il-mod sfaċċat u jmur kontra ordni tal-Qorti.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista xejjen ukoll gidba tal-Partit Laburista u l-media tiegħu, li qed jgħidu li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-impjegati tal-PBS imorru l-ħabs. Innota kif kienet it-tmexxija tal-PBS li kisret ordni tal-Qorti u mhux l-impjegati tal-kumpanija. Il-Partit Laburista donnu qed jgħid li n-nies għandhom jiksru l-liġi u jiksru l-ordnijiet tal-Qorti qisu ma ġara xejn. Tenna li ma ntalab biex l-ebda ħaddiem imur il-ħabs iżda li tittieħed azzjoni minħabba li nkisret l-ordni tal-Qorti. Li nippruvaw nibgħatu lill-impjegati tal-PBS il-ħabs hi gidba assoluta tal-Partit Laburista, qal.

Fil-Qorti, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Avukat tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier.

31.10.2024