In-nies mhux apoloġija jridu imma Ministri li ma jiffrodawx lill-poplu biex jiffangaw huma
AĦBAR

In-nies mhux apoloġija jridu imma Ministri li ma jiffrodawx lill-poplu biex jiffangaw huma

  • Jekk Clayton Bartolo u Clint Camilleri ma jirriżenjawx minn jeddhom, Robert Abela għandu jkeċċihom

  • Wara li ftit ilu ressaq Budget suppost ta’ kwalità, ilbieraħ ħarġet il-vera kwalità ta’ dan il-Gvern

  • Apoloġija ma taħfirx frodi minn flus il-poplu u l-Pulizija fid-dmir li tinvestiga l-każ

In-nies iridu Gvern li ma jabbużax mill-poter u mhux apoloġija.

L-apoloġija ta’ Clayton Bartolo u l-konjizzjoni ta’ Clint Camilleri mhumiex biżżejjed biex tinħafer il-frodi li wettqu minn flus il-poplu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Darren Carabott, il-Partit Nazzjonalista qal li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards kien ċar li ż-żewġ Ministri abbużaw mill-poter meta impjegaw lil Amanda Muscat fiż-żewġ Ministeri u tawha xogħol fantażma li hi ma għamiltx. Muscat tħallset kważi €70,000 bħala konsulent meta lanqas biss kellha l-kwalifiki meħtieġa għal din il-pożizzjoni.

Hu evidenti li Clayton Bartolo beża’ li se jiġrilu bħalma ġralha Justyne Caruana li kellha tirriżenja meta impjegat fil-Ministeru tagħha bħala konsulent lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic, u kien għalhekk li fuq il-karta ċaqlaq lil Muscat għall-Ministeru għal Għawdex.

Hu evidenti li kienu jafu li qed jabbużaw u li dan ma kienx sempliċi żball imma frodi sfaċċat minn flus il-poplu.

Wara li ftit jiem ilu kellna lill-Gvern jippreżenta Budget suppost ta’ kwalità, ilbieraħ ħarġet il-vera kwalità ta’ dan il-Gvern.

B’reazzjoni għar-rapport ta’ kundanna tal-Kummissarju, iż-żewġ Ministri li suppost qalbhom man-nies, kulma kienu kapaċi jgħidu kien li ħadu “nota” u “konjizzjoni” tar-rapport. Ma’ kull jum li jgħaddi, il-Gvern Laburista qed jinkixef li qalbhom qiegħda biss ma’ buthom.

Għal ġieħna, il-Ministru Clayton Bartolo kien tpoġġa minn Robert Abela fuq il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) sabiex jinvestiga n-nefqa tal-fondi pubbliċi mill-Gvern. Imma Bartolo ma ddejjaqx jiffroda lill-poplu biex il-mara tiegħu ddaħħal €68,000 f’sena mit-taxxi tal-poplu għal xogħol fantażma.

Il-weġgħa llum l-aktar li tinħass hi fost il-Laburisti li verament iħobbu l-Partit Laburista, li qed iħossuhom offiżi u ddiżgustati b’dak li seħħ. Bosta qed jitolbu għar-riżenja taż-żewġ Ministri.

Huwa d-dmir tal-Pulizija li tinvestiga l-frodi mwettqa minn Clayton Bartolo u Clint Camilleri.

Il-konjizzjoni li Robert Abela għandu jieħu hija konjizzjoni tar-rabja tan-nies li issa xebgħu jaraw lil dawk qrib il-Gvern jitħanżru.

Jekk ma jirriżenjawx minn jeddhom, Robert Abela għandu mill-aktar fis ikeċċi lil Clayton Bartolo u lil Clint Camilleri mill-Kabinett tal-Ministri.

08.11.2024