Robert Abela qed jigdeb fuq kollox
AĦBAR

Robert Abela qed jigdeb fuq kollox

Gideb fuq l-ispots politiċi, gideb dwar il-pensonijiet, gideb dwar il-qgħad, gideb dwar id-drenaġġ

Meta ma jkollokx fuq xiex tistrieħ, tirrikorri għall-gideb, u Robert Abela qed jigdeb f’kull okkażjoni li jkollu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, ix-Shadow Ministers Adrian Delia u Ivan Castillo spjegaw kif Robert Abela qed jigdeb fuq kollox.

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru waqt ir-replika tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq il-Budget gideb dwaru, u għoġbu jallega li kien hu li lleakja l-pre-budget document tal-PN. Minkejja li l-Prim Ministru ntalab jagħti prova ta’ dak li qal, sa issa dan m’għamlux.

Imma din mhux l-ewwel okkażjoni li Robert Abela gideb.

Robert Abela gideb meta qal li NET TV kien xandar l-ispots partiġjani dwar il-Budget. Biex jipprova jaljena lill-poplu dwar il-fatt li hu kien ġiegħel lill-PBS ixandar spots politiċi partiġjani favur il-Labour, Abela qal li anke l-Partit Nazzjonalista kien xandarhom.

Din hi gidba sfaċċata u li tista’ tiġi faċilment verifikata permezza tat-teknoloġija.

Ivan Castillo kompla jelenka l-gideb li qal Robert Abela fl-aħħar ftit ġimgħat.

Robert Abela gideb meta qal li l-Partit Nazzjonalista qatt ma għolla l-pensjonijiet.

Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami kien żied il-pensjonijiet b’84% wara li Gvern Laburista kien iffriżahom għal ħames snin sħaħ. U dan meta l-għoli tal-ħajja ma kienx dak li hu llum.

Robert Abela gideb meta qal li m’għolliex l-età tal-pensjoni.

F’dan il-Budget Gvern Laburista żied minn 41 għal 42 in-numru ta’ snin li trid taħdem u tħallas bolla biex tieħu pensjoni sħiħa. Din hi t-tieni darba li l-Gvern Laburista żied is-snin għall-pensjoni. Fl-2016 kien żiedhom minn 40 għal 41.

Il-Prim Ministru gideb ukoll dwar il-qgħad. Iċ-ċifri juru li r-rata li biha kien qed jonqos il-qgħad taħt il-Gvern Nazzjonalista kienet ferm aktar mgħaġġla milli taħt il-Labour.

Aktar importanti minn hekk il-Partit Nazzjonalista kellu l-viżjoni li jmur minn labour-intensive work għal xogħol ta’ kwalità bħal fil-gaming, fis-servizzi finanzjarji u fl-aeronawtika. Issa l-Labour reġa’ ħadna lura għal- xogħolijijet labour-intensive biex spiċċajna ngħixu f’pajjiż mifqugħ bit-traffiku, fejn trid tistenna s-sigħat fl-isptar, bi skejjel mgħobbijin, bid-dawl jinqata’ u bid-drenaġġ ifur fil-baħar.

Robert Abela anke fuq id-drenaġġ gideb meta qal li mhux vera li kien qed jintrema fil-baħar.

L-Unjoni Ewropea kienet ilha mill-2015 twissi lill-Gvern Laburista. Issa l-Qorti Ewropea sabitu ħati li tefa’ drenaġġ mhux trattat kif suppost fil-baħar tagħna.

L-appell tal-Partit Nazzjonalista m’għadux lill-Prim Ministru jew lill-Gvern. Dawn ma jridux jisimgħu.

Filwaqt li qed ngħixu f’pajjiż mifni bl-iskandli, u issa bil-Kap tal-Gvern konsistentement jigdeb, l-appell tal-Partit Nazzjonalista hu biex il-poplu jfittex u jħaddan il-verità u ma joqgħodx fuq dak li jgħid il-Gvern. Il-gideb ta’ Robert Abela ma tantx fadal min jemmnu.

08.11.2024