Il-PN se jibqa’ jkun il-vuċi tal-integrità u l-ġustizzja
AĦBAR

Il-PN se jibqa’ jkun il-vuċi tal-integrità u l-ġustizzja

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jindirizza l-Assemblea Politika tal-PPE li għall-ewwel darba qed issir f’Malta

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-integrità u l-ġustizzja u huwa kburi b’dan ir-rwol tiegħu fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal dan meta kien qed jindirizza l-ewwel sessjoni tal-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li għall-ewwel darba qed tkun ospitata f’Malta fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista bejn il-Ħamis 21 u l-Ġimgħa 22 ta’ Novembru.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjat li jkompli jħares l-valuri tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt partikolarment quddiem skandli bħal dak tas-serqa ta’ €70,000 f’impjieg finta lill-mara tal-Ministru għat-Turiżmu. Huwa rrefera wkoll għall-protesta organizzata mill-PN li għaliha attendew eluf ta’ nies.

Bernard Grech elenka l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Ewropa llum: l-isfidi ekonomiċi għall-familji u n-negozji, il-bidla fil-klima, il-migrazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali. Huwa appella biex kulħadd jaħdem flimkien biex l-Ewropa tibqa’ raġġ ta’ tama, xhieda tal-valuri demokratiċi u forza li twassal għall-paċi fid-dinja.

F’kummenti li ta lill-midja flimkien mal-Kap tal-PN, ftit qabel bdiet l-Assemblea, il-President tal-PPE Manfred Weber qal li matul l-Assemblea se jkunu diskussi żewġ temi ewlenin: ir-reġjun tal-Mediterran u kif l-UE tista’ ssostni l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej partikolarment lill-familji fil-klassi medja. Huwa saħaq li, minkejja li Malta hija wieħed mill-iżgħar Stati Membri tal-UE, hija ‘pajjiż rebbieħ’ u rrefera wkoll għar-rwol ċentrali li Malta għandha permezz tal-President tal-PE Roberta Metsola.

Fl-indirizz tiegħu fil-ftuħ tal-Assemblea, il-President tal-PPE elenka l-ħidma tal-Kummissarji Ewropej li se jibdew il-ħidma tagħhom fil-jiem li ġejjin. It-temi li se jkunu qed jiffukaw fuqhom il-Kummissarji Ewropej f’isem il-PPE jinkludu l-kompetittività, il-migrazzjoni u l-Green Deal li, sostna Weber, għandu jkun implimentat, b’ħidma viċin in-nies. Weber irrefera wkoll għall-gwerra fl-Ukrajna u kif din l-isfida għandha tkun diskussa partikolarment fid-dawl ta’ Presidenza ġdida fl-Istati Uniti.

L-Assemblea kienet indirizzata wkoll minn Petro Poroshenko, eks President tal-Ukrajna, li tkellem dwar il-prezz għoli li qed iħallas il-poplu fl-Ukrajna matul il-11 sena ta’ gwerra li għaddiet minnhom. Huwa qal li l-integrazzjoni tal-Ukrajna fin-NATO tkun pass importanti lejn il-paċi fl-Ukrajna u saħaq fuq l-importanza tal-għajnuna finanzjarja tal-Ewropa lill-Ukrajna.

Fl-indirizz qasir tiegħu waqt l-Assemblea, George Tsereteli, Deputat tal-Partit European Georgia, tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Ġorġja wara li r-riżultat tal-aħħar elezzjoni mhux jiġi rikonoxxut minħabba rapporti ta’ tbagħbis fl-elezzjoni. Huwa qal li l-partit elett huwa iktar viċin ir-Russja u saħaq fuq il-ħtieġa li jsiru elezzjonijiet oħrajn.

L-importanza tar-reġjun tal-Mediterran kienet fiċ-ċentru tal-ewwel diskussjoni waqt l-Assemblea. Dubravka Šuica, li se tkun qed tieħu l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew għall-Mediterran, elenkat l-isfidi ewlenin li qed jikkaratterizzaw dan ir-reġjun: is-sitwazzjoni ġeo-politika diffiċli, il-kriżi fil-klima u l-migrazzjoni. Hija spjegat kif il-Patt għall-Mediterran se jkun qed isaħħaħ l-investiment, jassigura l-istabilità u jindirizza l-isfida tal-migrazzjoni.

It-tieni diskussjoni ffukat fuq il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u r-responsabilità soċjali u ambjentali li twassal għal kwalità tal-ħajja aħjar. Din id-diskussjoni kienet indirizzata wkoll minn George Vital Zammit li sostna fuq il-ħtieġa li, minflok fuq bilanċ, illum nitkellmu iktar dwar żbilanċ favur temi bħall-ambjent. Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino elenka l-proposti tal-PN sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u kif dawn se jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċja l-poplu Malti.

Waqt li kienet għaddejja l-Assemblea l-Kap tal-PN iltaqa’ wkoll f’laqgħat bilaterali ma’ Dubravka Šuica li se tkun qed tieħu l-kariga ta’ Kummissarju għall-Mediterran u ma’ Mustafa Baitas, il-Ministru Delegat għall-Gvern tal-Marokk responsabbli mill-ħidma mal-Parlament.

L-Assemblea tkompli għada l-Ġimgħa meta tkun indirizzata mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qabel tagħlaq b’diskors ta’ konklużjoni mill-President tal-PPE Manfred Weber.

21.11.2024