Il-PN jitlob investigazzjonijiet separati mill-awtorità tal-konsumaturi u mir-regolatur dwar it-taħwid fil-kontijiet tal-ARMS
AĦBAR

Il-PN jitlob investigazzjonijiet separati mill-awtorità tal-konsumaturi u mir-regolatur dwar it-taħwid fil-kontijiet tal-ARMS

Il-Partit Nazzjonalista llum talab formalment investigazzjonijiet separati mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), dwar it-taħwid fil-kontijiet tal-ARMS.

Dan għamlu permezz tax-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut u Graziella Galea bħala x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur li dalgħodu ppreżentaw formalment żewġ ittri separati lil dawn iż-żewġ entitajiet biex jitolbuhom jinvestigaw b’urġenza l-każ tal-kontijiet tal-ARMS.

Bħalma wiegħed li se jagħmel fl-aħħar ġranet wara li tkellem dwar it-taħwid fil-kontijiet tal-ARMS, il-PN qed jitlob li jiġi investigat kif eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin ħallsu kontijiet ogħla milli suppost minħabba li ma ngħatawx l-Eco-riduzzjoni li kienu intitolati għaliha. Dan minkejja li l-ARMS kienet ilha konxja ta’ żball fis-sistema tagħha għal mill-inqas sena.

Fit-talba lill-MCCAA, il-Partit Nazzjonalista ffoka fuq id-drittijiet tal-konsumatur, in-nuqqas ta’ trasparenza u l-fatt li rifużjonijiet ingħataw biss lil min ilmenta, filwaqt li eluf oħra baqgħu jħallsu żżejjed mingħajr ma qatt ġew infurmati.

Fit-talba lir-Regolatur, il-Partit Nazzjonalista talab investigazzjoni teknika u regolatorja dwar il-metodu tal-billing, il-governanza tal-ARMS u jekk il-flus miġbura żejda humiex qed jinżammu b’mod inġust. Il-PN qed jitlob ukoll li r-rifużjonijiet jingħataw b’mod awtomatiku u b’lura, u li jiġu kkunsidrati penali fejn hu applikabbli.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li ż-żewġ awtoritajiet jaġixxu b’mod indipendenti mill-Gvern, mill-Ministru u mill-ARMS biex b’mod immedjat jipproteġu lill-konsumaturi u jerġgħu jġibu lura l-fiduċja li ntilfet fis-sistema tal-enerġija f’pajjiżna.

27.01.2026

  • Aqra l-ittra lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma hawn.
  • Aqra l-ittra lill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur hawn.