Robert Abela jigdeb lill-pensjonanti
AĦBAR

Robert Abela jigdeb lill-pensjonanti

Il-Prim Ministru pprova jqarraq bil-pensjonanti meta qalilhom li mhux se jħallsu ċenteżmu taxxa fuq id-dħul kollu tagħhom

Robert Abela gideb lill-pensjonanti.

Meta waqt attività politika tal-Partit Laburista ftit ilu, Abela qal li kien se jeżenta lill-pensjonanti minn kull ċenteżmu taxxa fuq id-dħul tagħhom, kien qed jigdeb. U kien l-Avviż Legali ippubblikat mill-Gvern tiegħu stess ftit wara li giddbu.

Fin-Naxxar fl-1 ta’ Marzu Abela tgħidx kemm ftaħar li l-pensjonanti li jibqgħu jaħdmu part-time, jew għandhom xi dħul ieħor bħal dħul minn kirjiet jew investiment, mhux se jinqabdu aktar bit-taxxa.

Imma l-Avviż Legali Nru. 53 tal-2026 li ħareġ tlett ijiem wara kulma għamel kien li għolla l-ammont tal-pensjoni mhux taxxabbli għal €37,000 – eżenzjoni li tapplika biss għad-dħul mill-pensjoni u mhux għad-dħul kollu tal-pensjonant. Fi ftit kliem, il-Prim Ministru qarraq bil-pensjonanti għax kull pensjonant li jagħmel xogħol part-time, iddaħħal flus minn xi kirja jew minn xi investiment ieħor, xorta se jibqa’ jħallas it-taxxa bħalma kien jagħmel qabel.

Dan kien spjegat waqt konferenza tal-aħbarijet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata mix-Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali u l-Fondi Ewropej Graham Bencini u x-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia.

Ix-Shadow Ministers spjegaw ukoll kif anke biż-żieda fit-tax ceiling minn €16,636 għal €37,104 li tħabbret fl-Avviż Legali, huma biss perċentwal żgħir ħafna tal-pensjonanti tagħna li se jgawdu. Għax kważi l-ebda pensjonant li jkun għamel snin twal iħallas il-bolla ma jdaħħal daqshekk flus f’pensjoni. Għaldaqstant l-avviż legali se jħalli lil dawk l-anzjani l-aktar vulnerabbli fl-istess ilma li kienu.

Tul il-konferenza stampa fid-Dar Ċentrali ntwerew filmati ta’ Robert Abela jgħid bl-avviż legali li kellu joħroġ il-ġimgħa ta’ wara, il-Gvern kien se jeżenta lill-pensjonanti mill-ħlas tat-taxxa fuq kull dħul sad-doppju tal-pensjoni massima u li dan id-dħul kien se jkun “kollu kemm hu” eżentat mit-taxxa. Iżda l-avviż legali tal-Gvern hu ċar daqs il-kristall u jgħid li l-eżenzjoni hija biss fuq id-dħul mill-pensjoni.

Fil-filmati murija Robert Abela jindirizza lill-pensjonanti u jwegħedhom li fuq dak li faddlu u li investew tul is-snin u fuq dak li qed jaqilgħu waqt li baqgħu jaħdmu wara l-età tal-pensjoni se jiffrankaw eluf kbar ta’ ewro f’taxxa.

Gidba sfaċċata ta’ Robert Abela biex jipprova jqarraq, għaliex skont l-Avviż Legali, fuq dak li investew u fuq dak li baqgħu jaħdmu għalih mhux se jiffrrankaw lanqas ċenteżmu wieħed, aħseb u ara kemm se jiffrankaw eluf kbara ta’ ewro. La se jiffrankaw fuq l-investimenti, la fuq dħul minn kirjiet, la fuq l-imgħaxijiet u lanqas fuq it-taxxa minn dħul minn xogħol wara l-pensjoni.

Huma temmew jgħidu li l-Prim Ministru qed ikompli jigdeb, din id-darba mal-pensjonanti. Issa, Robert Abela għandu jew iżomm kelmtu u jeżenta lill-pensjonanti mit-taxxa fuq kull dħul ieħor, inkella għandu jiskuża ruħu mal-anzjani u l-pensjonanti talli pprova jqarraq bihom.

10.03.2026