Fl-ewwel budget tiegħu Gvern Nazzjonalista jwettaq mal-pensjonanti dak li ma wettaqx Abela
AĦBAR

Fl-ewwel budget tiegħu Gvern Nazzjonalista jwettaq mal-pensjonanti dak li ma wettaqx Abela

Ineħħi t-taxxa kollha minn fuq kull dħul tal-pensjonanti; fl-ewwel 100 jum inaqqas il-VAT ta’ stabbilimenti tal-ikel minn 18% għal 7%; Alex Borg jgħid li l-għażla issa hi bejn tmexxija tal-gimmicks u tmexxija serja li tieħu lil Malta ‘l Quddiem

Fl-ewwel mitt jum, Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minni, ineħħi t-taxxa kollha mid-dħul kollu tal-pensjonanti. Fl-ewwel mitt jum tiegħi bħala Prim Ministru, inwettaq il-wegħda li għamel Robert Abela lill-pensjonanti u li ma żammx. Għax kelma tiegħi hi kelma li tista’ torbot fuqha.

Waqt attività mis-sensiela Qrib Tagħkom fl-Isla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg rrefera għall-gidba ta’ Robert Abela li kien se jeżenta kull ċenteżmu taxxa minn fuq kull dħul tal-pensjonanti u qal li fejn ħaddieħor iqarraq bl-anzjani, Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lill-pensjonanti l-onestà. Hu qal li wara li ħadmu għal pajjiżna għal ħafna snin, il-pensjonanti jixirqilhom ferm aħjar minn Gvern li jidħaq bihom.

Fil-qalba tal-Kottonera, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu tat-tlett ibliet jaf xi tfisser il-lealtà lejn pajjiżhom u li jagħrfu jagħżlu bejn politika tal-kliem fieragħ u propaganda, u dik tal-irġulija. Hu qal li miegħu kulħadd jaf fejn qiegħed.

Il-Kap tal-PN qal li fost il-miżuri li Gvern Nazzjonalista se jwettaq mill-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies hemm it-tneħħija tat-taxxa minn fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA), l-eżenzjoni tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 fuq dħul minn part-time u overtime, u fl-ewwel mitt jum, Gvern Nazzjonalista jnaqqas ir-rata tal-VAT tal-istabbilimenti tal-ikel minn 18% għal 7%.

Alex Borg irrefera għall-ispins kontinwi tal-Partit Laburista, fosthom fil-kwistjoni tal-Prim Imħallef. Tkellem dwar il-mod kif il-Gvern nieda l-Viżjoni 2050 li, meta twarrab ix-xinxilli u l-wegħdiet fiergħa, issib li ma taħsibx għall-aktar affarijiet bażiċi, bħat-trasport. Hu fakkar li Gvern Nazzjonalista hu impenjat li fl-ewwel mitt jum tiegħu jibda jaħdem fuq proġett tat-trasport tal-massa ġdid.

B’referenza għas-sitwazzjoni internazzjonali, Alex Borg qal li anke hawn, minkejja l-id tal-ħbiberija tal-Oppożizzjoni, Robert Abela qed juża din is-sitwazzjoni biex jipprova jiskorja punti politiċi. Hu qal li din żgur mhix sitwzzjoni fejn l-interessi personali jiġu qabel il-ġid nazzjonali u l-Partit Nazzjonalists se jibqa’ jinsisti għal trasparenza u sigurtà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-qagħda prekarja li jinsabu fiha madwar 50 ħaddiem tal-Aviation Park f’Ħal Safi li qegħdin f’periklu li jitilfu xogħlhom u li ilhom ma jieħdu paga għal kważi xahrejn. Appella lill-Gvern biex illum qabel għada jaslu fi qbil biex il-prezz tan-nuqqas ta’ qbil ma jħallsux għalih il-ħaddiema u l-familji tagħhom. Alex Borg qal li lest jappoġġja lill-Gvern biex jinstab qbil.

Alex Borg appella biex kull Malti u Għawdxi jpoġġi fuq quddiem il-bajda u l-ħamra, il-lealtà l-ewwel u qabel kollox lejn pajjiżna, biex  pajjżna jagħmel il-qabza li jmiss.

Il-Partit Nazzjonalista, bħala tim mal-poplu, hu magħqbul biex jagħmel il-ġid, biex ikun ta’ servizz, biex ħadd ma jibqa’ lura u biex jitwettqu l-ambizzjonijiet ta’ kulħadd.

Alex Borg temm jgħid li dalwaqt se jkollna għażla bejn tmexxija tal-gimmicks u l-interessi personali u tmexxija serja li ma tħalli lil ħadd lura – tmexxija li tieħu lil Malta ‘l Quddiem.

Matul din l-attività, li tmexxiet minn Robert Bonello Felice,  saru wkoll interventi mid-Deputati Paula Mifsud Bonnici, Graham Bencini u Adrian Delia.

Ix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnci tkellmet dwar dak li qed jgħidu bħalissa l-anzjani dwar Robert Abela wara li gideb lill-pensjonanti fl-aħħar jiem. Hi qalet li dan il-Gvern tilef ir-ruħ soċjali u nesa dak li qed ibatu minnhom l-anzjani. Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw għadd ta’ anzjani li qed ikollhom jirrikorru għas-soup kitchens u dawk li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u fakkret kif l-anzjani huma fost l-aktar faxxa fis-soċjetà li qegħdin f’riskju ta’ faqar. Hi wegħdet li Gvern ġdid immexxi minn Alex Borg jerġa’ jiftaħ id-dar tal-anzjani li għalaq Gvern Laburista f’Bormla.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Partit Nazzjonalista għandu track record ta’ eċċellenza fejn jidħlu servizzi lill-anzjani – kif juri anke reklam li għamel dan il-Gvern, li jelenka lista sħiħa ta’ servizzi li kien daħħal Gvern Nazzjonalista – u li anke llum hu Gvern Nazzjonalista biss li jista’ joffri politika li tagħti lill-anzjani kwalità ta’ ħajja aħjar.

Graham Bencini, Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali u l-Fondi Ewropej, qal li  Robert Abela ftit tal-jiem ilu qal li kien se jeżenta t-taxxa tal-pensjonanti fuq id-dħul kollu tagħhom lil hinn mill-pensjoni – dħul minn kirjiet, part-time jew investimenti oħra. Hu qal li din kienet gidba ta’ Robert Abela lill-pensjonanti għax l-Avviż Legali tal-Gvern ta’ Abela stess ma eżentax lill-anzjani minn taxxa li jħallsu fuq dħul ieħor. Dak id-dħul qabel dan l-Avviż Legali kien intaxxat u wara baqa’ intaxxat. Kien il-Ministru tal-Finanzi stess li ħareġ stqarrija li qal li dan id-dħul se jibqa’ jiġi ntaxxat bir-rata normali. Graham Bencini qal li fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Laburista għandu l-wiċċ jgħid li l-PN mhux kredibbli dwar l-anzjani. Qal li jgħid x’jgħid Robert Abela, il-Prim Ministru gideb lill-pensjonanti – in-nies li bnew pajjiżna, li ħadmu u li llum jistħoqqilhom l-onestà, ir-rispett u d-dinjità. Illum, hu biss Alex Borg bħala Prim Ministru li jista’ jagħti dik il-garanzija lill-anzjani tagħna.

Fl-interevent tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia qal li llum għandna Prim Ministru li konsistentement jibni l-messaġġ tiegħu fuq il-gideb u semma kif Abela ġie mgiddeb tliet darbiet fi ftit ħin fuq il-gidba li l-pensjonanti mhux se jħallsu ċenteżmu taxxa fuq id-dħul. Fosthom l-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern stess, it-titlu tat-Torċa ta’ dalgħodu, li f’artiklu li jipprova jiġġustifika lil Abela jsemmi biss il-pensjoni, u l-istqarrija tal-Ministru Clyde Caruana li giddbet lil Abela iswed fuq l-abjad. Adrian Delia elenka lista sħiħa ta’ gideb ta’ Abela, fosthom il-metro, il-gidba li rebħet Malta fis-serqa ta’ Vitals u Steward, il-gidba li l-Gvern għandu war chest għall-gwerra mbagħad il-Gvern ammetta li kien qed jirreferi għal aktar dejn. Adrian Delia qal li l-Gvern nefaq €5 miljuni biex iniedi dokument bl-isem Viżjoni 2050 li jgħid li sas-sena 2050 il-Maltin se jkunu f’minoranza f’pajjiżna. Illum, qal Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista hu msaħħaħ, immexxi minn Kap onest u li qed joffri lill-Maltin u l-Għawdxin tama ġdida ta’ Malta aħjar.

15.03.2026