Irridu nkomplu nagħtu l-appoġġ lill-intrapriżi, żgħar u kbar, biex ikunu jistgħu jikkompetu kemm fis-suq lokali kif ukoll barra minn Malta
Il-Kap tal-PN Alex Borg ikompli biż-żjarat lin-negozji u l-laqgħat mal-ħaddiema; iżur il-kumpanija Fino fl-Imrieħel
Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jassigura li l-intrapriżi Maltin u Għawdxin, kemm dawk żgħar, kif ukoll dawk kbar, ikomplu jingħataw l-appoġġ li għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jikkompetu kemm fis-suq lokali kif ukoll barra minn Malta.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta dalgħodu kompla biż-żjarat tiegħu lin-negozji u l-laqgħat mal-ħaddiema f’diversi oqsma bi żjara lill-kumpanija Fino fl-Imrieħel.
Akkumpanjat mix-Shadow Ministers Ryan Callus, Graziella Attard Previ u Eve Borg Bonello, il-Kap tal-PN intlaqa’ fix-Showroom tal-kumpanija fl-Imrieħel mill-Kap Eżekuttiv ta’ C. Fino & Sons Ltd, Jean Carlo Fino u ddawwar kemm max-showroom kif ukoll mal-faċilitajiet l-oħra li għandha l-kumpanija fosthom il-Head Office, fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u l-uffiċjali fid-diversi taqsimiet, fosthom is-Sales & After Sales Team; il-Projects, Office Furniture & Technical Teams; il-Marketing Team u l-Finance & Purchasing Teams.
Wara, kellu laqgħa mad-diretturi u l-membri tal-management tal-kumpanija mmexxija mis-CEO li kienu jinkludu lis-COO Kevin Tabone u lid-Diretturi Wallace u Ruth Fino.
Alex Borg enfasizza l-importanza li nkomplu ninvestu fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna u nappoġġjaw negozji li joħolqu valur miżjud reali għall-ekonomija Maltija, kif qed tagħmel C. Fino & Sons Ltd – kumpanija Maltija li twaqqfet fl-1935 u li topera fis-settur tal-għamara u d-disinn interjuri. Il-Kap tal-PN faħħar il-mod kif din il-kumpanija għarfet tiżviluppa matul is-snin biex espandiet anke lejn il-Qatar u kibret b’mod li llum qed tħares ‘il quddiem biex tkompli timraħ u tinvesti.
Hu u jdur mad-diversi diviżjonijiet tal-kumpanija, Alex Borg seta’ jara mill-qrib il-prodotti moderni li toffri din il-kumpanija, fosthom kċejjen, living rooms u kmamar tas-sodda kif ukoll oġġetti relatati ma’ uffiċini.
Min-naħa tagħhom, waqt il-laqgħa li kellhom mal-Kap tal-PN, il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Fino qasmu miegħu l-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-kumpanija, fosthom iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u l-kompetizzjoni minn pajjiżi oħrajn. Spjegawlu wkoll il-pjani futuri tagħhom għall-kumpanija.
25.03.2026



