Inkomplu nsaħħu l-ħidma tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna
AĦBAR

Inkomplu nsaħħu l-ħidma tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iżur il -Fondazzjoni OASI f’Għawdex

Il-ħidma tal-għaqdiet volontarji hija indispensabbli għas-soċjetà tagħna, u l-ħidma tal-Fondazzjoni OASI hija waħda li tagħmel differenza kbira fil-ħajjiet ta’ persuni li qed jiġġieldu l-vizzji, u tal-qraba u l-maħbubin tagħhom.

 Waqt żjara fil-bini tal-Fondazzjoni OASI fir-Rabat Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iltaqa’ mar-residenti u mat-tim professjonali tal-Fondazzjoni biex jifhem aktar fil-fond ix-xogħol sensittiv li jsir fil-qasam tar-riabilitazzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ li jingħataw mill-OASI lil persuni li qed jiffaċċjaw sfidi marbutin mal-vizzji.

Hu kien milqugħ mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Noel Xerri u mill-membri tal-Bord tad-Diretturi li tkellmu miegħu dwar il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi u investiment fis-servizzi ta’ prevenzjoni u riabilitazzjoni u l-importanza ta’ edukazzjoni kontinwa fil-komunità, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Huma ddiskutew ukoll l-isfidi operattivi li qed tiffaċċja l-Fondazzjoni fil-kuntest ta’ domanda dejjem tikber għas-servizzi li toffri.

Alex Borg tenna l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Fondazzjoni OASI u lill-ħaddiema tagħha. Huwa sostna li Għawdex għandu jkollu l-għodda u r-riżorsi kollha meħtieġa biex joffri servizzi ta’ kwalità lil min għandu bżonn l-għajnuna.

Il-kandidati Għawdxin tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Beppe Galea u Luke Said akkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt din iż-żjara.

10.04.2026