Nifs Ġdid – ħajja aħjar f’pajjiż aħjar
AĦBAR

Nifs Ġdid – ħajja aħjar f’pajjiż aħjar

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jgħid li l-poplu jrid jgħix ħajja aħjar li tibni fuq li hemm – Nifs Ġdid lil poplu li għeja bil-pressjoni dejjem tikber, bil-ħajja dejjem togħla, bil-pass mgħaġġel bla direzzjoni

Nifs Ġdid – għax dan hu dak li nisimgħu mingħand in-nies. Nifs Ġdid lil poplu li għeja bil-pressjoni kontinwa tal-pass mgħaġġel bla direzzjoni, li għeja jistinka biex ilaħħaq mal-ħajja, nifs ġdid għal pajjiż li għeja għax l-ekonomija ma laħqitx lin-nies.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha nieda l-kampanja elettorali tal-PN bit-tema “Nifs Ġdid” wara elezzjoni msejħa sena qabel żmienha mingħajr raġuni valida, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li f’dan il-mument in-nies mhux qed jistennew strobju jew arroganza imma sempliċement politika li ttejbilhom ħajjithom – tmexxija serja li tagħti serħan il-moħħ.

Alex Borg qal li ekonomija b’saħħitha għandha tagħti pagi li jservu, aktar ħin lill-familji, aktar ċertezza lin-negozji, aktar saħħa biex jikbru ż-żgħażagħ u aktar dinjità lill-anzjani. Hu sostna li l-mistoqsija mhux jekk hux tikber l-ekonomija imma jekk dan it-tkabbir hux qed iħossuh in-nies fil-ħajja tagħhom.

Nifs Ġdid ma jfissirx li nħottu dak li sar tajjeb, imma li nibnu fuq li sar, bi pjan u għall-ġid tan-nies, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Alex Borg qal li fis-sigħat u fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi l-proposti tiegħu biex nagħtu nifs ġdid għal pajjiżna.

Ma neħtiġux mudell ekonomiku li jġib aktar nies, aktar bini u aktar traffiku imma mudell ekonomiku li jkompli jsaħħaħ u jkabbar il-produttività, it-teknoloġija, il-ħiliet tal-ħaddiema, l-innovazzjoni. Irridu mudell ekonomiku li jagħtina valur għoli, u rridu setturi ekonomiċi ġodda li jibqgħu jrendu fis-snin li ġejjin. Irridu mudell ekonomiku li jnaqqas il-burokrazija lin-negozji, li jagħti pagi xierqa lill-ħaddiema, li jaghti liż-żgħażagħ tagħna futur sabiħ f’pajjizna u li jagħmel lil Malta aktar kompetittiva u attraenti.

Nifs ġdid ifisser tmexxija ġdida – Gvern ġdid li jgħix kull ġurnata man-nies. Li jagħti widen imma fuq kollox li jwettaq.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid kultura ġdida ta’ tmexxija – kultura li tirrispetta lin-nies, li flus il-poplu tużahom għall-ġid tal-poplu, li ssaħħaħ l-istutuzzjonijet, li tibni mill-ġdid il-fiducja tan-nies fil-politika. Fuq kollox, Alex Borg qal li jrid tmexxija li tifhem li l-politika mhix strument ta’ poter imma hija privileġġ li jingħata biex wieħed iservi lil pajjiżu.

Alex Borg qal li fuq kollox Malta għandha bżonn nifs ġdid li jġib l-għaqda. Huwa appella lil dawk li dejjem appoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista li issa aktar minn qatt qabel il-PN għandu bżonnhom. Lil dawk li xi darba kienu diżappuntati huwa qalilhom li bil-ħidma tiegħu jrid jerġa’ jikseb il-fiduċja tagħhom u lil dawk li qatt ma vvutaw lill-PN, Alex Borg qal li l-bieb tiegħu huwa miftuħ u jilqa’ lil kull min irid jagħti nifs ġdid lil Malta u Għawdex.

“Irridu Malta fejn ħaddiem jaħdem biex jgħix, mhux jgħix biex jaħdem. Fejn bħall-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom iż-żgħażagħ tagħna jkollhom ċans jixtru darhom, fejn l-anzjani jgħixu b’dinjità, fejn l-imprendituri jistgħu jkomplu jkabbru n-negozju bla burokrazija, fejn il-familji jkollhom ħin għal mal-maħbubin tagħhom, fejn il-komunitajiet jissaħħu u fejn il-progress jibqa’ għaddej imma fuq kollox dan itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies”.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Malta mhijiex tal-politiċi imma tan-nies. Pajjiżna hu ta’ kull wieħed u waħda minna, u kull wieħed u waħda minna għandu ċ-ċans ikun parti minn din il-mixja li bdejna biex nagħtu lil dan pajjiżna u lill-poplu tiegħu Nifs Ġdid.

28.04.2026