Iż-żgħażagħ qed jifhmu u jħaddnu l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista
Il-Kap tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-istudenti fl-Università ta’ Malta
Il-Kap tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-istudenti fl-Università ta’ Malta
Iż-żgħażagħ qed jifhmu u jħaddnu dejjem aktar il-viżjoni li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista. Dan jagħti kuraġġ lill-PN biex ikompli jaħdem b’impenn akbar favur iż-żgħażagħ, li mhux biss huma l-futur, iżda wkoll il-preżent ta’ pajjiżna. Huma n-nifs ġdid li għandu bżonn pajjiżna.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa li kellu mal-istudenti tal-Università ta’ Malta bħala parti mill-kampanja man-nies u qrib in-nies li se twassal għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju.
Matul din iż-żjara, Alex Borg kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ studenti minn oqsma differenti u jisma’ mill-qrib l-esperjenzi tagħhom, l-isfidi li jaffaċċjaw fil-ħajja universitarja – iżda mhux biss – kif ukoll l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur.
Matul il-walkabout fl-Università, iż-żgħażagħ iddiskutew mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar setturi importanti għalihom, fosthom l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-kwalità tal-ħajja u l-ħtieġa li jinħolqu aktar prospetti li jżommu liż-żgħażagħ f’pajjiżna stess.
Akkumpanjat mill-kandidati Bernice Bonello, Eve Borg Bonello, Marilena Gauci, Frederick Aquilina u Joseph Grech, Alex Borg qal li żjara bħal din isservi biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ id-djalogu dirett maż-żgħażagħ u jifhem aħjar il-prijoritajiet tagħhom.
30.04.2026












