Dan għadu l-bidu: se niktbu kapitlu ġdid u mhu se nħallu lil ħadd jaqa’ lura
Dan hu kapitlu ġdid li bih se nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u lil Għawdex. Il-proposti tal-PN tefgħu lill-Partit Laburista f’paniku u dan għadu l-bidu. Għad fadal ħafna proposti x’noħorġu u jien determinat li nwettquhom. Għax ma rridu nħallu lil ħadd jaqa’ lura.
Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza attività mal-kandidati tal-PN tas-sitt distrett f’Ħal Luqa
Dan hu kapitlu ġdid li bih se nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u lil Għawdex. Il-proposti tal-PN tefgħu lill-Partit Laburista f’paniku u dan għadu l-bidu. Għad fadal ħafna proposti x’noħorġu u jien determinat li nwettquhom. Għax ma rridu nħallu lil ħadd jaqa’ lura.
Waqt attività fil-preżenza tal-kandidati tal-PN fuq is-sitt distrett bħala parti mill-kampanja Nifs Ġdid, f’Ħal Luqa, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista mill-bidu tal-kampanja beda joħroġ lista twila ta’ miżuri b’saħħithom u b’viżjoni, mingħajr ma nefaq €5 miljuni bħalma għamel ħaddieħor fuq il-Viżjoni Malta 2050, u mingħajr ma kkonsulta ma’ kriminali, kif qal ħaddieħor. Hu qal li qalb il-Partit Nazzjonalista hi man-nies u qed jaħdem għalihom kuljum.

Alex Borg tkellem dwar it-tim ta’ kandidati tal-PN u qal li hu kburi li għandu tim saħtu u mimli enerġija u li jrid ikompli jaħdem magħhom fil-gvern.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista ried juri mill-ewwel x’inhi l-viżjoni li għandu u beda propju bis-saħħa għax Gvern Nazzjonanlista jrid jinvesti fis-saħħa tan-nies l-ewwel u qabel kollox. Hu qal li l-proposti tal-PN għas-saħħa ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-assoċjazzjonijiet tat-tobba u tal-infermiera.
Gvern Nazzjonalista se jaħseb fin-nies meta se jraħħas il-kontijiet tad-dawl. Meta l-PN ħabbar din il-proposta nqala’ paniku fil-Partit Laburista li spiċċa tfixkel filwaqt li l-PN qed ikompli juri kemm hu ppreparat.
Alex Borg qal li l-flus li se joħorġu biex jorħsu l-kontijiet se jiġu minn enerġija nadifa minn pannelli tax-xemx. Imma Gvern Nazzjonalista mhux se jagħmel bħal-Labour li għal snin sħaħ ħalla l-pannelli mhux imqabbdin mal-grid.

Semma kif Gvern Nazzjonalista se jneħħi t-taxxa tas-suċċessjoni – taxxa inġusta li skada żmienha, biex in-nies ma jerfgħux piżijiet żejda, u semma wkoll ir-reviżjoni tal-faxex tat-taxxi – miżura li se tagħti nifs lill-ħaddiema u li se tħallilhom aktar flus fil-but.
Il-Kap tal-Partit Nazzjnalista qal li n-negozji ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, li jiffurmaw 99% tan-negozji tagħna, se jkunu qed iħallsu inqas taxxi bi Gvern Nazzjonalista, kif imħabbra fil-proposti dalgħodu.
Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista se jerġa’ jinvesti bis-sħiħ f’niċeċ ta’ kwalità li ma jpoġġux pressjoni fuq in-nies imma jiftħu l-bibien tal-opportunitajiet, bħalma huma l-AI, id-Data u n-New Space, l-Ekonomija Kreattiva u l-Mediterranean Maritime Fuel Hub.
Hu fakkar kif Robert Abela tefa’ t-tajn fuqu imma ma kienx kapaċi jmur għand il-Pulizija b’rapport dwar il-‘kuntrabandist’ li qal li mar ikellmu. Irrefera għat-tweġiba ta’ Abela lill-ġurnalisti fejn qal li hu jikxef l-identità tal-kuntrabandist meta l-PN jgħid min huma l-esperti li qed jgħinuh. Alex Borg qal li mhu se jikxef l-ebda isem għax mhux se jħalli lil Robert Abela jagħmel xi witch hunt fuq min qed jaħdem biex inġibu Nifs Ġdid f’pajjiżna.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonlista qed jaħdem u se jibqa’ jaħdem sal-aħħar minuta imma l-ħidma trid tkun waħda magħquda, man-nies, ma’ kull min jemmen li flimkien nistgħu inġibu Nifs Ġdid lill-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa sellem lil dawk kollha li servew lill-Partit u lill-pajjiż mis-sitt distrett u lil Ryan Callus li, minkejja li temm il-karriera politika tiegħu, għadu qed jaħdem bis-saħħa kollha biex nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna.

Indirizzaw l-attività wkoll il-kandidati tal-PN fuq is-sitt distrett li jinkludi lil Ħal Qormi, is-Siġġiewi, Ħal Luqa u Ħal Farruġ.
Fredrick Aquilina qal li hu minn età żgħira kien involut fl-għaqdiet tar-raħal u dan daħħal fih ir-rieda li jkun ta’ servizz. Kien dan li wasslu biex jagħmel l-ewwel passi tiegħu fil-politika. Hu qal li l-isbaħ parti tal-politika hi l-kuntatt man-nies. Huwa semma kif il-proposti tal-Partit Nazzjonalista qed jintlaqgħu tajjeb ħafna minn-nies. Proposti b’viżjoni, bħalma dejjem kellu l-Partit Nazzjonalista. Hu qal li din hi d-differenza bejn iż-żewġ partiti u hu għalhekk li llum pajjiżna għandu bżonn Nifs Ġdid – għandu bżonn Prim Ministru li jaf fejn irid jieħu lil pajjiżna. Għandu bżonn lil Alex Borg Prim Ministru.

Julian Borg tkellem dwar il-kontijiet tad-dawl. Hu qal li dawn mhumiex biss numri imma huma dak li jolqot lil kulħadd ta’ kuljum – lill-familji, lill-għaqdiet, lill-bdiewa, lir-raħħala. U l-Partit Nazzjonalissta qed iwiegħed li jneħħi l-kiri tal meter tad-dawl lil kull residenza. Illum għandna sitwazzjoni fejn qabel tuża l-ewwel unit tkun ġa ħallast tal-kera. Fakkar kif Gvern Nazzjonalista se jtella’ għal 6,000 il-units li jitħallsu bl-irħas rata u kif Gvern Nazzjonalista se jkun qed iħaffef il-piżijiet ta’ dawk li jgħixu waħedhom billi jagħtihom aktar units biex jibbenefikaw mill-eko-riduzzjoni. Hu fakkar ukoll fit-traħħis li se jkollhom il-bdiewa, ir-raħħala u l-għaqdiet voltonarji. Dan hu l-Partit Nazzjonalista, temm jgħid Julian Borg. Partit li qed jagħti Nifs Ġdid lill-poplu kollu.

Jerome Caruana Cilia qal li fl-aħħar erba’ snin kellu l-privileġġ li jservi lill-pajjiż u lill-poplu u tul dawn is-snin baqa’ dejjem f’kuntatt kontinwu man-nies. Qal li uża l-ħin tiegħu biex fil-Parlament jistaqsi dwar kwistjonijiet li jolqtu lin-nies ta’ kuljum. Imma tkellem ukoll dwar kwistjonijiet nazzjonali, fosthom il-każ ta’ Jean Paul Sofia, fejn flimkien mad-deputati tal-PN iġġieled għall-ġustizzja. Issa l-PN qed jippreżenta ruħu quddiem il-poplu b’lista twila ta’ proposti – proposti li jridu jagħtu ħajja aħjar lin-nies. Fosthom dik li titneħħa taxxa inġusta – dik tas-suċċessjoni. Hu qal li Gvern immexxi minn Alex Borg se jibqa’ dejjem favur tiegħek u favur l-għeżież tiegħek.

Annabelle Cilia qalet li hi temmen f’politika li tgħaqqad lin-nies u politika li tħares ’il quddiem. It-tim magħqud, b’ideat differenti, imma b’viżjoni waħda hu dak li jagħmel it-tim tal-Partit Nazzjonalista tim b’saħħtu. Tim mibni fuq in-nies u tim magħqud wara l-Kap tal-PN Alex Borg. Hija qalet li l-PN mhux qiegħed jitkellem biss fuq proposti imma qed jitkellem fuq soluzzjonijiet. Il-politika ma titkejjilx bi kliem sabiħ imma b’kemm tagħmel ġid lin-nies. Il-proposta li tneħħi t-taxxa minn fuq l-overtime u l-part-time hija proposta li tagħmel ġid lin-nies, bħalma tagħmel ġid il-proposta taċ-Child Trust Fund, il-proposta li ngħollu l-istipendji tal-istudenti u l-proposta tan-National Hall bħala parti mill-Ekonomijia Kreattiva. Hija temmet tgħid li lkoll flimkien nistgħu noffru Nifs Ġdid lil dan il-pajjiż.

Oliver Cini qal li l-politika hija servizz u wieħed jirnexxilu biss jekk ikollu s-sostenn ta’ dawk ta’ madwaru. Imma meta permezz tal-politika tagħmel differenza fil-ħajjiet tan-nies, dak hu l-akbar sodisfazzjon. Il-proġett tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub mhus biss se jneħħi t-tanker mill-bajja ta’ Marsaxlokk, imma se jiġbed lejn pajjiżna niċċa ekonomika b’saħħitha li se trendi l-miljuni għal ħafna snin. Din hi biss proposta waħda minn lista twila li għandu l-Partit Nazzjonalista u bis-saħħa tal-kandidati kollha, u bis-saħħa tan-nies, wara t-30 ta’ Mejju, flimkien, se nagħtu lil Malta u Għawdex in-Nifs Ġdid li jixraqlu.

George Muscat qal li hu qiegħed fil-politika biex jisma’, jifhem u jaġixxi. Permezz tal-istudji tiegħu hu kompla jifhem kemm hu importanti li ninvestu fin-nies u fl-edukazzjoni kif dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li jifhem l-isfidi li qed jiffaċċjaw ħafna nies u li jemmen f’politika li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru. Hu qal li jemmen f’pajjiż li jinvesti f’kulħadd, u fejn ħadd ma jitħalla barra. Qalli m’għandux ir-risposti kollha imma se jaħdem mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg biex nagħtu lill-Maltin u l-Għawdxin il-pajjiż li jixirqilhom.

George Vital Zammit qal li huwa unur u sodisfazzjon għalih jara l-proposti tal-Partit Nazzjonalista jitħabbru wara li rahom jitfasslu. Proposti li jridu jerġgħu jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru. “We are leading the agenda u fadal ħafna xi nkomplu nħabbru”, qal. Hu qal li meta kien qed ifassal il-programm elettorali kien ħaseb li s-sehem tiegħu kien se jieqaf hemm, imma ddeċieda li jwieġeb għas-sejħa ta’ Alex Borg biex iservi lill-Partit u lill-pajjiż. Hu qal li aċċetta din l-istedina għal żewġ raġunijiet: l-ewwel li jara dan il-programm jitwettaq u t-tieni għax irid jaħdem ma’ Alex Borg bħala Prim Ministru. Hu qal li fl-aħħar xahar ra Kap li hu statista tal-futur. Temm jgħid li fadal 22 ġurnata oħra ta’ xogħol biex fit-30 ta’ Mejju flimkien nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna.
08.05.2026


