Miriam Dalli tammetti l-kriżi tad-dawl wara €140 miljun minfuqa fi tliet snin, u tibqa’ taħrab mir-responsabbiltà
Il-poplu Malti u Għawdxi, u n-negozji u l-industriji tagħna, jistħoqqilhom serjetà u serħan il-moħħ fl-enerġija, mhux Ministru li tammetti l-kriżi meta jkun tard wisq, tuża l-istituzzjonijiet bħala paraventu u tibqa’ taħrab mir-responsabbiltà għat-tbatijiet li għaddiet lin-nies u lill-pajjiż minnhom.
Minflok ħareġ bis-soluzzjonijiet hu, il-Gvern issa qed jitolb is-soluzzjonijiet mingħand l-imsieħba soċjali
Wara tliet snin u €140 miljun minfuqa, f’laqgħa li saret mal-MCESD il-Ministru Miriam Dalli ammettiet li pajjiżna jinsab fi kriżi u falliment fis-settur tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Issa l-Ministru qed titlob is-soluzzjonijiet mingħand l-imsieħba soċjali.
Is-soluzzjonijiet kellu joħroġ bihom il-Gvern stess, minflok ma Robert Abela u Miriam Dalli jippruvaw jgħattu l-falliment tagħhom billi jilagħbu bil-kliem.
Għall-kuntrarju, minflok ma l-Gvern assuma r-responsabbiltà politika għal din il-kriżi, għażel li jaħrab mid-dibattitu u l-vot fil-Parlament dwar ir-responsabbiltà tal-Ministru stess. Għażel li jaħrab ukoll minn diskussjoni dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Il-kriżi li tinsab fiha l-Ministru issa qed tkompli toħroġ aktar fil-beraħ meta sar magħruf li se tuża lis-CEO tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima biex tagħmilha tas-segretarja tagħha u tiltaqa’ mal-MCESD u tikkomunika f’isem il-Gvern.
Dan huwa kunflitt ta’ interess ċar u konferma ta’ kemm Miriam Dalli m’għandhiex idea ta’ governanza tajba – qed tuża’ regolatur ta’ awtorità li suppost hija indipendenti biex taqdi l-aġenda politika tagħha, waqt li tkompli taħrab mir-responsabbiltà.
Il-Ministru tant hi maqtugħa mir-realtà li reġgħet irrepetiet dak li qalet fil-Parlament, li bl-investiment li sar il-maġġoranza tan-nies kellhom is-servizz lura wara ftit sigħat. Dan meta eluf ta’ nies għamlu anke ġranet u ljieli sħaħ mingħajr dawl.
Il-poplu Malti u Għawdxi, u n-negozji u l-industriji tagħna, jistħoqqilhom serjetà u serħan il-moħħ fl-enerġija, mhux Ministru li tammetti l-kriżi meta jkun tard wisq, tuża l-istituzzjonijiet bħala paraventu u tibqa’ taħrab mir-responsabbiltà għat-tbatijiet li għaddiet lin-nies u lill-pajjiż minnhom.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella għal kumpens speċjali għall-ħaddiema tal-Enemalta, u għal qafas regolatarju ta’ kumpens awtomatiku għall-familji u n-negozji li għamlu sigħat mingħajr servizz.
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
31.07.2026