Malta teħtieġ bidla fid-direzzjoni biex l-ekonomija terġa’ taħdem għan-nies
AĦBAR

Malta teħtieġ bidla fid-direzzjoni biex l-ekonomija terġa’ taħdem għan-nies

Alex Borg ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ l-imsieħba soċjali li jiffurmaw parti mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, biex jiddiskuti magħhom il-kriżi tad-dawl. Matul din il-laqgħa se jiġu diskussi l-kriżi tal-enerġija, it-triq ’il quddiem u l-mekkaniżmu ta’ kumpens awtomatiku li qed tinsisti li jiddaħħal l-Oppożizzjoni.

Waqt intervista fuq NET FM, il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar ukoll li fil-granet li gejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ l-imsieħba soċjali li jiffurmaw parti mill-MCESD biex jiddiskuti magħhom il-kriżi tad-dawl

Malta teħtieġ bidla ċara fid-direzzjoni ekonomika, b’mudell li ma jibqax ikejjel is-suċċess biss miċ-ċifri tat-tkabbir, iżda minn kemm in-negozji qed ikunu produttivi, kemm il-pagi qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u kemm il-familji qed igawdu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt intervista fil-programm Issues fuq NET FM dalgħodu.

Alex Borg qal li r-riżultati tal-aħħar SME Barometer huma twissija serja għall-Gvern. Kważi erbgħa minn kull ħames negozji żgħar u medji jew mhumiex ċerti jinvestux, inkella ma jarawx li huwa għaqli li jinvestu matul it-tnax-il xahar li ġejjin. Fl-istess waqt, 64% tal-SMEs qed jgħidu li Malta miexja fid-direzzjoni l-ħażina.

“Dawn mhumiex ċifri tal-Oppożizzjoni. Din hija l-vuċi tan-negozji li qed iħossu kuljum il-piż tad-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern,” qal Alex Borg. Huwa sostna li l-Gvern ma jistax jibqa’ jiftaħar biss bit-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross, meta n-negozji qed jiffaċċjaw spejjeż ogħla, burokrazija, nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet adegwati, traffiku u infrastruttura li mhijiex tiflaħ għad-domanda.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ekonomija bbażata fuq il-produttività, l-innovazzjoni u impjiegi li joħolqu aktar valur. “Ma nistgħux nibqgħu nkabbru l-ekonomija billi sempliċement inżidu l-popolazzjoni u l-konsum. Dan jista’ joħloq ċifri akbar, iżda mhux pajjiż aħjar,” qal il-Kap tal-PN.

Dwar il-kriżi fil-provvista tal-dawl, Alex Borg qal li l-Gvern qed jirrifjuta skrutinju serju għax jaf li dan jikxef snin ta’ nuqqas ta’ ppjanar, investiment insuffiċjenti u prijoritajiet żbaljati. Huwa qal li l-ħaddiema tal-Enemalta mhumiex responsabbli għall-falliment politiku tal-Gvern. Għall-kuntrarju, huma qed jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli biex isewwu l-ħsarat u jistħoqqilhom l-appoġġ u kumpens xieraq. Il-Kap tal-PN qal li l-familji u n-negozji li jintlaqtu minn qtugħ twil jew ripetut tad-dawl għandhom jingħataw kumpens b’mod awtomatiku, ċar u trasparenti.

“Meta servizz ifalli, il-konsumatur għandu jingħata rimedju. In-nies ma jistgħux jibqgħu jittallbu għal kumpens każ b’każ,” qal Alex Borg, waqt li kkritika wkoll lill-Gvern talli qabad u għalaq il-Parlament għas-sajf biex jevita d-dibattitu dwar il-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Miriam Dalli u waqqaf l-iskrutinju dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Hawnhekk Alex Borg ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ l-imsieħba soċjali li jiffurmaw parti mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, biex jiddiskuti magħhom il-kriżi tad-dawl. Matul din il-laqgħa se jiġu diskussi l-kriżi tal-enerġija, it-triq ’il quddiem u l-mekkaniżmu ta’ kumpens awtomatiku li qed tinsisti li jiddaħħal l-Oppożizzjoni.

Alex Borg qal li se jkompli jżur il-lokalitajiet u jiltaqa’ direttament mar-residenti, in-negozji, il-ħaddiema, il-Kunsilli Lokali u l-għaqdiet. Huwa qal li l-politika ma ssirx biss minn uffiċċju, waqt konferenza tal-aħbarijiet jew fuq il-mezzi soċjali. “Ma rridx Oppożizzjoni li tidher biss quddiem kamera. Irrid Oppożizzjoni preżenti fil-komunitajiet, li tisma’ l-problemi u taħdem fuq soluzzjonijiet konkreti,” qal Alex Borg. Huwa sostna li x-xogħol tal-Oppożizzjoni ma jiħux vaganza meta l-problemi tan-nies jibqgħu għaddejjin.

Dwar l-Abbozz ta’ Liġi għall-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, Alex Borg tenna li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-prinċipju ta’ kummissjoni b’saħħitha, indipendenti u kredibbli. Iżda qal li proprju minħabba l-importanza tal-liġi, il-Gvern kellu jikkonsulta b’mod ġenwin mal-Oppożizzjoni, mal-NGOs u mas-soċjetà ċivili. “Liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma tistax titfassal bi proċess li jinjora l-vuċi ta’ dawk li jaħdmu kuljum f’dan il-qasam,” qal Alex Borg. Huwa qal li l-PN huwa lest jerġa’ jpoġġi madwar mejda minnufih biex tgħaddi liġi aħjar, b’kunsens wiesa’ u wara konsultazzjoni vera.

Mistoqsi, fl-aħħar nett, dwar il-ġuri li għaddej bħalissa fil-Qorti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jekk hix iġġustifikata l-kritika li l-Oppożizzjoni mhix qed tikkummenta dwar dak li qed joħroġ, il-Kap tal-PN wieġeb li l-Oppożizzjoni ma trid bl-ebda mod ixxekkel jew tippreġudika l-ġuri. “Kull kumment żejjed jew nieqes jista’ jagħmel il-ħsara. Għalhekk ħassejt li l-maturità politika titlob li filwaqt li nsegwu mill-qrib dak li għaddej, noqogħdu pass lura”.

Hu qal li qabbad tim ta’ esperti li qed jagħtih pariri kuljum abbażi tal-fatti li qed joħorġu mill-Qorti, u fil-ħin opportun, l-Oppożizzjoni se tkun qed tikkummenta u tara li jittieħdu l-passi neċessarji. Alex Borg temm jgħid li hu għandu fiduċja assoluta fil-ġustizzja u anke jekk ilna ħafna nistennew li din tieħu l-kors tagħha, il-PN hu fiduċjuż li finalment se ssir ġustizzja kemm ma’ dawk li wettqu dan il-qtil kif ukoll mal-familja tal-ġurnalista.

01.08.2026