Hemm bżonn pjan ċar b’soluzzjonijiet għall-kriżi tal-qtugħ tad-dawl
AĦBAR

Hemm bżonn pjan ċar b’soluzzjonijiet għall-kriżi tal-qtugħ tad-dawl

Hemm bżonn naraw x’sar sa issa, x’hemm bżonn isir aktar u nfasslu pjan ċar b’soluzzjonijiet għall-kriżi tal-qtugħ tad-dawl li qed teffettwa ħażin lill-familji, lill-ħaddiema, lin-negozji u lit-turiżmu f’pajjiżna. Hu ċar li huwa meħtieġ aktar investiment, u anke strateġija biex nindirizzaw l-infrastruttura li mhix qed tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-pajjiż.

L-Oppożizzjoni tiddiskuti l-kriżi tad-dawl mal-imsieħba soċjali li jiffurmaw parti mill-MCESD wara li baqgħet ma ngħatatx data għal laqgħa li talbet mal-Kunsill

Hemm bżonn naraw x’sar sa issa, x’hemm bżonn isir aktar u nfasslu pjan ċar b’soluzzjonijiet għall-kriżi tal-qtugħ tad-dawl li qed teffettwa ħażin lill-familji, lill-ħaddiema, lin-negozji u lit-turiżmu f’pajjiżna. Hu ċar li huwa meħtieġ aktar investiment, u anke strateġija biex nindirizzaw l-infrastruttura li mhix qed tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-pajjiż.

Kienu dawn il-konklużjonijiet li ħarġu minn laqgħa li kellha llum waranofsinhar delegazzjoni tal-Oppożizzjoni mmexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg mal-imsieħba soċjali li jiffurmaw parti mill-MCESD, u li matulha ġiet diskussa l-kriżi tal-enerġija. Din il-laqgħa saret fl-Uffiċċju tal-Oppożizzjoni fil-Parlament u matulha r-rappreżentanti tat-trade unions u l-korpi kostitwiti ressqu t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni u ressqu wkoll proposti dwar x’għandu jsir.

L-Oppożizzjoni ħadet l-inizjattiva u laqqgħet lill-membri tal-MCESD wara li baqgħet ma ngħatatx data għal laqgħa li talbet mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dwar il-kriżi tal-enerġija. Għall-kuntrarju, laqgħa tal-Kunsill li talab il-Gvern ftit wara t-talba formali li għamlet l-Oppożizzjoni, saret fil-jiem li għaddew.

Il-Gvern għadu sa issa jirrifjuta wkoll skrutinju parlamentari serju tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-elettriku għax jaf li dan jikxef snin ta’ nuqqas ta’ ppjanar, investiment insuffiċjenti u prijoritajiet żbaljati.

Għat-talba tal-Oppożizzjoni biex il-Parlament jiddiskuti din il-kriżi wara li l-PN ressaq Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Miriam Dalli, il-Gvern qabad u għalaq il-Parlament għas-sajf biex jevita dan id-dibattitu. Dan minbarra li waqqaf l-iskrutinju dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi u anke f’dan il-każ irrifjuta talba tal-Oppożizzjoni biex il-PAC jiddiskuti b’urġenza s-sitwazzjoni. Il-Gvern ma jridx jispjega lanqas fejn u kif sar l-investiment ta’ €140 miljun li qed jgħid li sar fin-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku, u ma jridx jagħti rendikont fil-Parlament tal-ħsarat u l-faults kollha li nqalgħu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni laqqgħet lill-imsieħba soċjali hi biex tiddiskuti magħhom il-kriżi tad-dawl, it-triq ’il quddiem u u l-mekkaniżmu ta’ kumpens awtomatiku li qed tipproponi li jiddaħħal l-Oppożizzjoni biex jagħmel tajjeb kull darba li jinqata’ d-dawl.

Fil-bidu tal-laqgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg spjega kif is-sitwazzjoni li qed nerġgħu ngħixu dan is-sajf kienet prevedibbli u fakkar kif il-qtugħ tal-elettriku mhux xi każ individwali imma l-problemi huma mifruxa u ilhom għaddejjin għax minkejja li l-Gvern kien jaf bil-problemi li kellna fis-sjuf preċedenti, baqa’ ma indirizzahomx bis-serjetà.

Hu fakkar kif ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) wera li l-investiment fis-sistema tal-elettriku naqas, flok żdied, u qal li dan juri kif il-Gvern ma ħax ħsieb li jkollna infrastruttura li tlaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied. 

Filwaqt li ta rendikont tal-passi li ħadet l-Oppożizzjoni biex tindirizza din il-kriżi, il-Kap tal-PN enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-imsieħba soċjali jkunu parti mid-diskussjoni nazzjonali fuq din il-materja ta’ importanza nazzjonali, bid-djalogu soċjali jkun wieħed kontinwu u mhux biss meta tinqala’ kriżi.

Dwar il-kumpens awtomatiku, il-Kap tal-PN fakkar li l-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-familji u n-negozji li jintlaqtu minn qtugħ twil jew ripetut tad-dawl għandhom jingħataw kumpens b’mod awtomatiku, ċar u trasparenti. Dan il-kumpens ikun impost b’mod awtomatiku mir-regolatur, għal dawk kollha li jsofru interruzzjonijiet fis-servizz.

L-Oppożizzjoni talbet ukoll li jiġu kkumpensati b’mod adegwat il-ħaddiema tal-Enemalta li qed ikollhom iġorru l-piż tal-falliment politiku tal-Gvern u qed ibatu biex isolvu din il-kriżi. Dawn il-ħaddiema, li qed jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli biex isewwu l-ħsarat matul is-sajf, jistħoqqilhom l-appoġġ u kumpens xieraq.

Id-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni mmexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg għal din il-laqgħa kienet tinkludi lill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, lix-Shadow Minister responsabbli mid-Djalogu Soċjali Bernard Grech u lix-Shadow Minister responsabbli mill-qasam tal-Enerġija Mark Anthony Sammut.

Il-lista tal-imsieħba soċjali membri tal-MCESD li ħadu sehem fil-laqgħa mal-Oppożizzjoni kienet tinkludi lil The Malta Chamber, iċ-Chamber of SMEs, is-CMTU, il-Malta Employers, il-GWU, il-UĦM Voice of the Workers, l-MHRA, kif ukoll rappreżentanti tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili u l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

03.08.2026