Importanti li f’pajjiżna jkun hawn level playing field biex niżguraw li n-negozji jkunu jistgħu jkomplu jinvestu u joħolqu l-impjiegi
Din il-kumpanija tal-għamara – negozju tal-familja li llum huwa mmexxi mit-tielet ġenerazzjoni tal-familja Aquilina – bdiet minn ħanut tal-affarijiet tad-dar bl-istess isem li missier Alex kien fetaħ f’Tas-Sliema fl-1964 u li maż-żmien ittrasforma ruħu f’kumpanija stabbilita lokali li timporta l-għamara mill-Italja għas-suq lokali.
Waqt żjara lill-kumpanija tal-għamara Bond’s Ltd, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-Oppożizzjoni tifhem l-isfidi li jiffaċċjaw kumpaniji li jimpurtaw għas-suq lokali, u se taħdem biex jiġu indirizzati r-realtajiet li jiffaċċjaw fosthom in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-kompetizzjoni inġusta
Il-Partit Nazzjonalista jifhem l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-kumpaniji, inkluż dawk li jimpurtaw il-prodotti tagħhom minn barra biex jinbiegħu fis-suq lokali, u jrid jiżgura li f’pajjiżna jinħoloq l-ambjent adegwat ħalli kumpaniji bħal dawn ikunu jistgħu jkomplu jinvestu u jkabbru n-negozju tagħhom.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu meta żar il-kumpanija Bond’s Ltd, fejn iltaqa’ mas-sidien u d-diretturi ta’ din il-kumpanija magħrufa tal-għamara u anke mal-ħaddiema.
Alex Borg intlaqa’ minn Alex Aquilina u ibnu Lee, li dawruh max-showroom ta’ tliet sulari li għandhom f’Ħ’Attard mifruxa 1,200 metru kwadru, u laqqgħuh ma’ wħud mit-22 ħaddiem li jimpjegaw – il-maġġoranza tagħhom Maltin – fid-diversi taqsimiet.
Din il-kumpanija tal-għamara – negozju tal-familja li llum huwa mmexxi mit-tielet ġenerazzjoni tal-familja Aquilina – bdiet minn ħanut tal-affarijiet tad-dar bl-istess isem li missier Alex kien fetaħ f’Tas-Sliema fl-1964 u li maż-żmien ittrasforma ruħu f’kumpanija stabbilita lokali li timporta l-għamara mill-Italja għas-suq lokali.
Wara li Alex fil-bidu tas-snin disgħin kien fetaħ ħanut DIY, eventwalment wara li Malta bdiet it-triq lejn is-sħubija fl-UE u nfetaħ is-suq tal-importazzjoni, investa biex ikabbar u jiddiversifika n-negozju tiegħu, sakemm miegħu ngħaqdu wliedu Lee u Gail biex illum imexxu dan il-kumpless li minnu jbigħu għamara ta’ kwalità ta’ kull tip għas-suq lokali – kċejjen, kmamar tas-sodda, living rooms u anke għamara oħra tad-dar ta’ diversi ditti stabbiliti Taljani.
Dawn jinkludu Colombini Casa, Febal Casa, Materassi e Materassi u anke d-ditta taż-żebgħa OIKOS, bil-kumpanija ta’ Malta ilha kważi kull sena mill-2014 tiġi kklassifikata bħala best annual performer minn fost il-kumpaniji kollha fejn dawn id-ditti Taljani jbigħu l-prodotti tagħhom madwar l-Ewropa.
Is-sidien tal-kumpanija spjegaw lil Alex Borg kif wara l-proġetti differenti ta’ investiment li għamlu matul is-snin biex ikabbru n-negozju tagħhom, bħalissa qed jesploraw niċċa ġdida li jridu jidħlu fiha – is-suq tal-kuntratti tal-għamara għal lukandi u stabbilimenti turistiċi.
Alex u Lee Aquilina rringrazzjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni għaż-żjara tiegħu u qalu li żjarat bħal dawn iservu biex bħala sidien huma jispjegaw lill-politiċi l-isfidi u l-problemi li jiffaċċjaw imma wkoll l-opportunitajiet. Huma qalu li ma’ Alex Borg iddiskutew x’titjib jista’ jsir biex ir-realtajiet li jiffaċċjaw ta’ kuljum fin-negozju tagħhom jiġu faċilitati ħalli kumpaniji bħal tagħhom ikunu jistgħu jinvestu aktar – xi ħaġa li finalment igawdu minnha mhux biss il-kumpaniji nfushom u l-impjegati tagħhom, imma anke l-klijenti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-PN qal li żjarat bħal dawn iservu biex l-Oppożizzjoni tifhem l-isfidi li qed jiffaċċjaw negozji bħal dawn li jimpurtaw il-prodotti minn barra, fosthom in-nuqqas ta’ ħaddiema, il-kompetizzjoni inġusta ma’ prodotti oħra li jiġu minn barra anke mill-aspett ta’ parallel trading.
Alex Borg qal li dawn huma realtajiet li jridu jiġu indirizzati u l-Oppożizzjoni hija impenjata li taħdem biex ikun hawn level playing field f’pajjiżna ħalli niżguraw li kumpaniji bħal dawn ikunu jistgħu jikbru, jinvestu u joħolqu aktar impjiegi għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Waqt iż-żjara fix-showroom tal-kumpanija f’Ħ’Attard, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mid-Deputati tal-PN Graziella Galea u Justin Schembri.
05.08.2026








