Jeħtieġ pjan ċar ta’ investiment fl-infrastruttura biex pajjiżna jerġa’ jibda jlaħħaq mal-ħtiġijiet tan-nies
AĦBAR

Jeħtieġ pjan ċar ta’ investiment fl-infrastruttura biex pajjiżna jerġa’ jibda jlaħħaq mal-ħtiġijiet tan-nies

Il-laqgħa li l-Oppożizzjoni kellha fil-bidu ta’ din il-ġimgħa mal-imsieħba soċjali li jiffurmaw parti mill-MCESD kkonfermat il-ħtieġa urġenti li pajjiżna jkollu pjan ċar ta’ investiment u soluzzjonijiet għall-kriżi tal-qtugħ tad-dawl, b’infrastruttura li tkun kapaċi tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-familji, tan-negozji u tal-ekonomija Maltija.

Waqt intervista fuq NET FM, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tieħu l-inizjattiva, tisma’ lin-nies u tressaq is-soluzzjonijiet – filwaqt li l-Gvern jibqa’ jaħrab mill-iskrutinju u mir-responsabbiltà

Il-laqgħa li l-Oppożizzjoni kellha fil-bidu ta’ din il-ġimgħa mal-imsieħba soċjali li jiffurmaw parti mill-MCESD kkonfermat il-ħtieġa urġenti li pajjiżna jkollu pjan ċar ta’ investiment u soluzzjonijiet għall-kriżi tal-qtugħ tad-dawl, b’infrastruttura li tkun kapaċi tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-familji, tan-negozji u tal-ekonomija Maltija.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt intervista fil-programm Issues fuq NET FM dalgħodu.

Alex Borg qal li mil-laqgħa ħareġ qbil ċar li pajjiżna għandu bżonn jara x’sar s’issa, x’għad jonqos isir u, fuq kollox, ifassal pjan serju u fit-tul biex is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tkun kapaċi tlaħħaq mad-domanda tal-pajjiż.

Huwa fakkar kif il-Gvern għadu ma tax rendikont ċar ta’ fejn u kif sar l-investiment ta’ €140 miljun li qed jgħid li wettaq fin-netwerk tad-distribuzzjoni, ma riedx jiddiskuti b’urġenza r-rapport tal-Awditur Ġenerali fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi u lanqas ma ried li ssir diskussjoni parlamentari dwar il-kriżi qabel għalaq il-Parlament għas-sajf meta ħarab milli jiddibatti l-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Miriam Dalli.

Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ soluzzjonijiet, fosthom mekkaniżmu ta’ kumpens awtomatiku għal dawk il-familji u n-negozji li jsofru qtugħ twil jew ripetut tad-dawl, kumpens xieraq għall-ħaddiema tal-Enemalta u pjan ċar ta’ investiment fin-network tad-distribuzzjoni. Huwa qal ukoll li Malta trid tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi esterni tal-enerġija u tinvesti ferm aktar fl-enerġija rinnovabbli.

“Id-djalogu soċjali ma jistax jintuża biss meta l-Gvern ikun f’rokna. Għandu jkun parti mill-mod kif jitmexxa l-pajjiż kuljum, għax l-imsieħba soċjali huma dawk li jħossu direttament ir-realtajiet tan-nies, tal-ħaddiema u tan-negozji,” qal il-Kap tal-PN.

Alex Borg tkellem ukoll dwar is-sensiela ta’ żjarat li qed jagħmel lin-negozji u l-ħaddiema, u qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jżomm kuntatt dirett man-nies anke matul ix-xhur tas-sajf.

Huwa rrefera għaż-żjara tiegħu għand kumpanija tal-għamara, fejn iddiskuta l-isfidi ta’ kumpaniji lokali li tul is-snin investew u ħolqu l-impjiegi iżda llum qed jiffaċċjaw problemi bħan-nuqqas ta’ ħaddiema u kompetizzjoni inġusta. “Ma jistax ikun li kumpaniji Maltin jinvestu, joħolqu x-xogħol u jibnu relazzjonijiet ma’ ditti internazzjonali, u mbagħad ikollhom jikkompetu f’suq fejn mhux kulħadd qed jikkompeti bl-istess regoli.”

Tkellem ukoll dwar iż-żjarat tiegħu f’Għawdex, fejn iltaqa’ ma’ negozji u ħaddiema f’setturi differenti, mill-kura tal-anzjani għall-manifattura, l-agrikoltura, il-kreattività u l-esportazzjoni. Huwa qal li dawn iż-żjarat juru l-potenzjal reali ta’ Għawdex bħala gżira fejn wieħed għandu jkun jista’ jibni negozju, jaħdem, jiżviluppa karriera, irabbi familja u jixjieħ b’dinjità. “L-Għawdxin ma jridux privileġġi. Iridu biss il-kundizzjonijiet li jippermettu lit-talent u lill-investiment tagħhom jirnexxu.”

Alex Borg esprima wkoll tħassib dwar it-tniġġis ripetut f’numru ta’ bajjiet Maltin matul is-sajf, u qal li dan huwa sintomu ieħor tal-fatt li l-infrastruttura tal-pajjiż ma żammitx il-pass mat-tkabbir fil-popolazzjoni u fl-attività ekonomika. Huwa qal li l-każ tal-Bajja ta’ San Ġorġ u l-Balluta huwa eżempju ċar ta’ dan.

Fi żmien Gvern Nazzjonalista l-Bajja ta’ San Ġorġ ingħatat l-istatus internazzjonali tal-Blue Flag, wara investiment fil-kwalità tal-ilma, fl-indafa, fis-sigurtà u fis-sostenibbiltà. “Illum, minflok qed nitkellmu fuq aktar bajjiet ta’ kwalità, qed nispiċċaw nitkellmu fuq twissijiet kontra l-għawm. Dan huwa pass lura kemm għall-familji Maltin kif ukoll għall-industrija turistika.” Alex Borg qal li pajjiżna għandu bżonn pjan nazzjonali ta’ prevenzjoni u monitoraġġ tat-tniġġis, infurzar effettiv u investiment fl-infrastruttura tad-drenaġġ u tal-kosta.

Mistoqsi fl-aħħar nett dwar dak li qed joħroġ mill-ġuri marbut mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Alex Borg tenna li l-Oppożizzjoni qed issegwi mill-qrib dak kollu li qed joħroġ, b’tim ta’ esperti legali li qed isegwi l-proċess. Fl-istess waqt, qal li x-xhieda li qed tingħata qed tqajjem mistoqsijiet serji ħafna dwar dak li kien qed jiġri f’Kastilja fi żmien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dwar ir-rabtiet bejn persuni fil-poter u persuni suspettużi, u dwar l-akkużi serji li qed isiru fuq verżjonijiet mibdula, gideb u ġuramenti foloz.

Alex Borg qal l-Partit Nazzjonalista jrid jara li kull min jinstab ħati li kien involut f’dan l-assassinju, jew li uża l-pożizzjoni tiegħu biex jinfluenza jew li ma wettaqx dmiru fil-kariga li kellu biex jara li dan id-delitt ma jseħħx, iħallas għal għemilu.

“Il-pożizzjoni tagħna hija ċara: irridu li ssir ġustizzja ma’ kull min kien involut f’dan id-delitt faħxi u mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.”

08.08.2026