Opportunità tad-deheb biex il-Gvern juri verament li jemmen f’dak li jgħid
F’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista jibqa’ konsistenti mal-pożizzjoni li dejjem ħa – jiġifieri li kwalunkwe permess ta’ żvilupp quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għandu jitwaqqaf awtomatikament jekk ikun hemm appell sakemm ikun hemm deċiżjoni finali fuq il-proċeduri, sew fejn għandu x’jaqsam ma’ appell quddiem it-Tribunal tal-Awtorità tal-Ippjanar (EPRT) kif ukoll jekk il-każ ikun quddiem il-Qorti tal-Appell.
Il-kwistjoni dwar is-siġar f’Kemmuna trid tittieħed fil-kuntest tar-riforma tal-appelli tal-ippjanar, b’permess għal żvilupp li jinsab taħt appell
Fil-każ tal-kwistjoni li nqalgħet dwar is-siġar f’Kemmuna, il-Gvern għandu opportunità tad-deheb quddiemu li juri verament li jemmen f’dak li jipprietka, bil-fatti u mhux bil-paroli.
Dan hekk kif bħalissa għaddejja l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma li ppreżenta l-Gvern stess fis-sistema tal-appelli tal-ippjanar – riforma li kif spjega l-Prim Ministru stess meta ressaqha – il-prinċipju ewlieni tagħha hu li meta jkun hemm appell, il-permess ta’ żvilupp jiġi sospiż awtomatikament sakemm il-proċess jinqata’ b’mod finali.
Sal-lum, minkejja li permess jista’ jiġi appellat, ix-xogħlijiet jistgħu jkunu diġà bdew jew inkella saħanistra spiċċaw, bil-konsegwenza li l-appell ma jkun serva għal xejn għax ix-xogħlijiet li jkunu twettqu jkunu irriversibbli.
Fil-każ ta’ Kemmuna, il-permess tal-ippjanar maħruġ f’April tal-2025 mill-Awtorità tal-Ippjanar huwa soġġett għal proċeduri legali mibdija mill-NGOs ambjentali. U legalment, huwa differenti u separat minn dak tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.
Filwaqt li jifhem li l-liġi kif inhi ma tistax twaqqaf ix-xogħlijiet permessi mill-ERA qabel ma jiġi konkluż l-appell, il-PN jifhem ukoll li l-ERA – kif spjegat fl-istqarrija tagħha – għamlet kulma setgħet biex din il-parti ta’ Kemmuna li ngħatat b’konċessjoni għal skop kummerċjali mill-Gvern kolonjali Ingliż titranġa u jiddaħħlu s-salvagwardji meħtieġa fost l-oħrajn biex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali ta’ permess li diġà huwa maħruġ fuq żona li diġà hija mibnija.
Filwaqt li l-PN ifakkar li Kemmuna hija Riżerva Naturali u sit Natura 2000 li jgawdi livell għoli ta’ protezzjoni, jappella lill-ERA biex tiżgura li jiġu infurzati dawn l-obbligi imposti fuq l-iżviluppatur.
Fid-dawl ta’ dan kollu, però, jibqa’ fuq kollox il-fatt li hija l-Awtorità tal-Ippjanar li għandha l-obbligu li tieħu d-deċiżjoni finali dwar din l-applikazzjoni ta’ żvilupp.
F’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista jibqa’ konsistenti mal-pożizzjoni li dejjem ħa – jiġifieri li kwalunkwe permess ta’ żvilupp quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għandu jitwaqqaf awtomatikament jekk ikun hemm appell sakemm ikun hemm deċiżjoni finali fuq il-proċeduri, sew fejn għandu x’jaqsam ma’ appell quddiem it-Tribunal tal-Awtorità tal-Ippjanar (EPRT) kif ukoll jekk il-każ ikun quddiem il-Qorti tal-Appell.
Il-PN jappella wkoll biex il-leġiżlazzjoni finali wara li jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fit-18 ta’ Awwissu titwessa’ b’mod li jkunu evitati lakuni li jistgħu jagħmluha possibbli li ċerti żviluppi jkunu eżentati.
Fost l-oħrajn, kif inhu l-abbozz imressaq għall-konsultazzjoni, il-liġi l-ġdida mhux se tkun tapplika fil-każ ta’ appelli pendenti sa meta tidħol fis-seħħ, waqt li għandu jkun ċar li l-ebda awtorizzazzjoni separata – fosthom permessi separati mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) – ma tista’ tintuża biex isiru xogħlijiet irriversibbli li jiddependu fuq, jiffaċilitaw jew jantiċipaw żvilupp li l-permess tal-ippjanar għalih ikun sospiż jew taħt appell.
Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ippjanar
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
11.08.2026