Jeħtieġ li l-Gvern jibda jisma’ lill-kunsilli lokali, jappoġġjahom u jagħtihom aktar saħħa jekk verament jemmen fihom

Jekk il-Gvern verament jemmen li l-kunsilli huma r-rappreżentanti tan-nies, għandu juri appoġġ aktar serju fejn hemm bżonn, jafda aktar fihom u jagħtihom aktar saħħa, mhux jinjorahom.

Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida jesprimu solidarjetà mal-Kunsill Lokali tal-Furjana

Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida jesprimu s-solidarjetà tagħhom mal-Kunsill Lokali tal-Furjana, li tkellem dwar in-nuqqas ta’ appoġġ mill-Gvern fl-aktar kwistjonijiet ta’ tħassib għal-lokalità.

Tul dawn l-aħħar sentejn, il-Kunsill Lokali tal-Imsida tkellem kemm-il darba dwar problemi serji li qed tiffaċċja l-komunità tagħna: il-problema tal-iskart, li minflok tissolva qed tkompli tikber; in-nuqqas ta’ għassa tal-Pulizija; in-nuqqas ta’ berġa; kif ukoll il-fatt li l-Misidjani għadhom mingħajr dar tal-anzjani. Il-Kunsill tkellem ukoll dwar il-flyover, iżda l-appelli tiegħu waqgħu fuq widnejn torox. Issa jidher li l-Gvern se jkompli għaddej bil-proġett ta’ pont pedonali li se jfisser li, biex ir-residenti jaqsmu minn naħa għal oħra tal-Imsida, ikollhom jitilgħu u jinżlu tliet sulari taraġ.

Ir-residenti tal-lokalità jduru fuq il-kunsill biex isolvi l-problemi li jiltaqgħu magħhom. Iżda l-verità hi li l-kunsilli lokali spiċċaw mingħajr poteri amministrattivi fl-aktar kwistjonijiet kruċjali għar-residenti, u saru l-mira tal-frustrazzjoni ġustifikata ta’ min jara problemi jippersistu fil-belt jew ir-raħal tiegħu, minkejja li ħafna drabi l-kunsill ma jkollu l-ebda poter biex ibiddel is-sitwazzjoni.

In-nuqqas ta’ poteri fuq deċiżjonijiet li jolqtu direttament lir-residenti, kif ukoll in-nuqqas ta’ poteri ta’ infurzar, irriduċew lill-kunsilli għal sempliċi complaints office. Il-ħaddiema u l-kunsillieri jispiċċaw ikollhom iwieġbu għal problemi li mhumiex fil-kontroll tagħhom.

Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida jappellaw lill-Gvern biex jirrevedi l-politika tiegħu dwar il-kunsilli lokali u jerġa’ jagħtihom il-poteri meħtieġa biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jolqtu lin-nies tal-lokalità. Għandha terġa’ tiddaħħal sistema li tippermetti lill-kunsilli jinfurzaw fil-lokalitajiet tagħhom. Meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar żviluppi infrastrutturali massiċċi, il-vuċi tal-kunsill u, fuq kollox, dik tar-residenti għandha tinstema’. M’għandux ikun il-Gvern waħdu li jiddetermina l-futur tal-lokalitajiet tagħna.

M’hemmx dubju li dan huwa wkoll it-tħassib ta’ ħafna kunsilli u kunsillieri li qegħdin hemm biex verament jirrappreżentaw u jaqdu lir-residenti. Fl-aħħar ġimgħat smajna diversi sindki u kunsillieri jitkellmu dwar sitwazzjonijiet xejn sbieħ li qed ikomplu jiżviluppaw fil-lokalitajiet tagħhom u li qed iħallu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Jekk il-Gvern verament jemmen li l-kunsilli huma r-rappreżentanti tan-nies, għandu juri appoġġ aktar serju fejn hemm bżonn, jafda aktar fihom u jagħtihom aktar saħħa, mhux jinjorahom.

Charles Selvaggi
Sindku tal-PN fl-Imsida

Christine Amaira
Viċi Sindku tal-PN fl-Imsida

Maurice Agius
Kunsillier Lokali tal-PN fl-Imsida

Alfred Farrugia
Kunsillier Lokali tal-PN fl-Imsida

Chris Borg
Kunsillier Lokali tal-PN fl-Imsida

11.08.2026