Iż-żieda fil-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku ma tistax tiġi injorata
Is-soluzzjoni għat-traffiku ta’ Malta mhijiex miżura waħda. Għandna bżonn infrastruttura aktar sigura, infurzar aktar effettiv, teknoloġija moderna, edukazzjoni u alternattivi reali għall-karozza privata.
Statistika tal-NSO turi li fit-tieni kwart ta’ din is-sena żdiedu l-inċidenti tat-traffiku fuq l-istess perjodu sena ilu, waqt li l-vittmi żdiedu b’16% – meħtieġa azzjoni immedjata biex titjieb is-sigurtà fit-toroq
L-aħħar ċifri dwar l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq tagħna għandhom iqajmu tħassib serju u jeħtieġu azzjoni immedjata u koordinata biex is-sigurtà fit-toroq tagħna tkun tassew prijorità nazzjonali.
Skont l-aħħar statistika tal-NSO, bejn April u Ġunju ta’ din is-sena ġew irrappurtati 4,072 inċident tat-traffiku li jfisser żieda fuq it-tieni kwart tas-sena l-oħra, filwaqt li n-numru ta’ persuni midruba wkoll żdied b’16% għal 398 persuna. Minn dawn, 146 sofrew ġrieħi gravi, filwaqt li sfortunatament tliet persuni tilfu ħajjithom.
Wara kull wieħed minn dawn in-numri hemm persuna, familja u nies li ħajjithom tista’ tinbidel f’sekonda.
Il-ħsieb tagħna jmur qabelxejn lejn il-vittmi ta’ dawn l-inċidenti u lejn il-familji tagħhom. Kull korriment serju u kull ħajja mitlufa fit-toroq tagħna hija waħda żejda.
Imma din iż-zieda allarmanti fl-inċidenti tat-traffiku u fil-persuni midruba fit-toroq tagħna għandha wkoll isservi bħala sejħa ċara għal azzjoni immedjata.
Irridu nimxu minn sistema li ħafna drabi tirreaġixxi wara li jseħħ l-inċident għal waħda li tipprevjeni l-inċident qabel iseħħ.
Din il-problema trid titqies ukoll b’mod aktar wiesa’. Kull inċident fit-toroq tagħna jfisser karreġġjati magħluqa, interventi mill-Pulizija u s-servizzi tal-emerġenza, konġestjoni addizzjonali, dewmien fit-trasport pubbliku u pressjoni fuq toroq oħra.
F’pajjiż fejn it-traffiku diġà qed ipoġġi pressjoni kbira fuq il-familji, il-ħaddiema u n-negozji, is-sigurtà fit-toroq u t-tnaqqis tat-traffiku ma jistgħux jiġu trattati bħala żewġ problemi separati.
Dan għandu jinkludi aktar infurzar fiżiku u viżibbli mill-awtoritajiet, b’enfasi fuq il-postijiet, il-ħinijiet u l-imġiba fejn id-data turi li hemm l-akbar riskju. Fl-istess waqt irridu nagħmlu użu ferm aħjar mit-teknoloġija. F’junctions problematiċi għandhom jiġu installati sistemi intelliġenti ta’ CCTV u AI biex inċidenti jiġu identifikati immedjatament, u issir analiżi tad-data biex l-infurzar jiġi indirizzat fejn verament huwa meħtieġ. L-evidenza Ewropea turi li infurzar immirat u teknoloġija awtomatizzata jistgħu jkunu għodda effettiva biex jitnaqqsu l-inċidenti.
It-teknoloġija tista’ wkoll tintuża biex, ladarba jseħħ inċident, l-awtoritajiet ikunu jafu bih immedjatament, l-intervent ikun aktar rapidu, it-triq terġa’ tinfetaħ fl-iqsar żmien possibbli u s-sewwieqa jingħataw informazzjoni f’ħin reali dwar rotot alternattivi. Li ntejbu r-response time jista’ tkun id-differenza bejn ħajja u mewt.
Din mhix teknoloġija tal-futur – il-potenzjal ta’ sistemi intelliġenti bħal CCTV, dynamic message signs u sistemi ċentralizzati għall-immaniġġjar tat-traffiku jeżistu diġà. Dak li hemm bżonn issa huwa li dawn l-għodod jintużaw b’mod aktar integrat, intelliġenti u effettiv, u nużaw id-data biex intejbu u nevitaw aktar diżgrazzji.
Is-soluzzjoni għat-traffiku ta’ Malta mhijiex miżura waħda. Għandna bżonn infrastruttura aktar sigura, infurzar aktar effettiv, teknoloġija moderna, edukazzjoni u alternattivi reali għall-karozza privata.
Għax it-tnaqqis tal-inċidenti mhux biss inaqqas it-traffiku, imma fuq kollox, isalva l-ħajjiet. U hemmhekk għandha tibda kull politika dwar il-mobbiltà.
Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli
13.08.2026