Il-Gvern għandu dmir jispjega x’se jiġri dwar l-Għassa ta’ Birkirkara
Il-Gvern għandu d-dmir iwieġeb għadd ta’ mistoqsijiet sempliċi dwar dan il-każ. Jekk kien jaf li l-Għassa Distrettwali ta’ Birkirkara ma kinitx se tibqa’ topera mill-post preżenti, fejn ippjana li jpoġġiha? Kemm ilu jaf? Fejn huwa s-sit alternattiv? Meta ġie identifikat? Meta se jkun lest? U x’arranġamenti ġew ippjanati biex ma jinħoloq l-ebda vojt fis-servizz? Għalfejn ma ħasibx minn qabel biex tinstab alternattiva?
Din l-Għassa Distrettwali hija l-aktar waħda f’Malta li ġġorr piż bħala l-bażi ewlenija għad-Disa’ Distrett tal-Pulizija li jkopri Birkirkara, Ħ’Attard, in-Naxxar, Ħal Balzan, Ħal Lija, l-Iklin u Ħal Għargħur – popolazzjoni ta’ aktar minn 70,000 ruħ
Il-Gvern għandu dmir jispjega b’mod ċar u immedjat hux se jkun hemm Għassa tal-Pulizija f’Birkirkara u fejn se tkun qed topera din l-Għassa Distrettwali, kif ukoll għalfejn wasalna f’dan l-istadju mingħajr ma jidher li kien hemm pjan konkret u ppreparat minn qabel għall-futur ta’ waħda mill-aktar għases importanti fil-pajjiż.
Din mhijiex sempliċement kwistjoni dwar binja. Hija kwistjoni dwar ippjanar, prijoritajiet u l-mod kif il-Gvern qed imexxi s-sigurtà interna ta’ pajjiżna.
Il-Gvern jista’ jipproduċi kemm irid filmati sbieħ għall-media soċjali, kampanji ta’ promozzjoni u messaġġi dwar kemm qiegħed isir xogħol. Iżda s-sigurtà pubblika ma titkejjilx minn dak li jidher fuq Facebook jew Instagram. Titkejjel minn dak li effettivament qed jiġri fil-komunitajiet tagħna, mill-preżenza tal-Pulizija fit-toroq, mir-riżorsi li għandhom l-uffiċjali u minn jekk iċ-ċittadin iħossux li għandu fejn jirrikorri meta jkollu bżonn l-għajnuna. Fuq kollox, titkejjel minn jekk il-poplu tagħna jħossux sigur f’pajjiżu stess.
U huwa proprju għalhekk li dak li qed jiġri dwar l-Għassa ta’ Birkirkara jqajjem mistoqsijiet serji.
L-Għassa ta’ Birkirkara mhijiex sempliċement għassa lokali. Il-Korp tal-Pulizija stess jelenkaha bħala Għassa Distrettwali, u hija l-iktar għassa f’Malta li ġġorr piż. Hija l-bażi ewlenija għad-Disa’ Distrett tal-Pulizija, li jkopri lil Birkirkara, Ħ’Attard, in-Naxxar, Ħal Balzan, Ħal Lija, l-Iklin u Ħal Għargħur. Is-sit uffiċjali tal-Korp bħalissa jelenka biss lil Birkirkara bħala l-Għassa Distrettwali f’dan id-distrett, u lin-Naxxar bħala l-għassa l-oħra f’dan id-distrett b’popolazzjoni ta’ aktar minn 70,000 resident. Birkirkara waħedha għandha madwar 30,000 resident. Għalhekk, kull deċiżjoni dwar il-futur ta’ din l-għassa għandha konsegwenzi li jmorru ferm lil hinn minn lokalità waħda.
Il-Gvern għandu d-dmir iwieġeb għadd ta’ mistoqsijiet sempliċi dwar dan il-każ. Jekk kien jaf li l-Għassa Distrettwali ta’ Birkirkara ma kinitx se tibqa’ topera mill-post preżenti, fejn ippjana li jpoġġiha? Kemm ilu jaf? Fejn huwa s-sit alternattiv? Meta ġie identifikat? Meta se jkun lest? U x’arranġamenti ġew ippjanati biex ma jinħoloq l-ebda vojt fis-servizz? Għalfejn ma ħasibx minn qabel biex tinstab alternattiva?
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-każ tal-għassa ta’ Birkirkara mhux każ iżolat. F’Jannar tal-2025 kien irrappurtat li mill-inqas 26 lokalità ma kellhomx għassa operattiva tagħhom, fosthom lokalitajiet kbar bħall-Imsida, il-Mellieħa, is-Swieqi u Ħaż-Żebbuġ, fost oħrajn. Dak iż-żmien kien irrappurtat ukoll li l-Għassa tal-Imsida kienet ilha magħluqa minn Ottubru tal-2023.
Aktar minn sena wara, is-sit uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija fuq il-paġna li tkopri l-Imsida, il-Gżira u Ta’ Xbiex għadu ma jelenkax Għassa tal-Imsida. Minflok, jelenka l-Għassa Distrettwali ta’ Tas-Sliema u l-Għassa tal-Gżira bħala l-għases li jservu dik iż-żona.
Dan kollu għandu jwassal għal mistoqsija aktar wiesgħa: x’inhu l-pjan nazzjonali tal-Gvern għall-għases tal-Pulizija?
Ma jistax ikun li lokalità wara oħra tispiċċa b’inċertezza dwar l-għassa tagħha, b’arranġamenti temporanji jew billi r-residenti jkollhom jiddependu fuq lokalitajiet oħra. Il-Community Policing, is-servizzi diġitali u l-modernizzazzjoni huma kollha għodod pożittivi meta jintużaw sew. Iżda għandhom jikkumplimentaw preżenza effettiva tal-Pulizija u mhux isiru sostitut għal nuqqas ta’ infrastruttura jew nuqqas ta’ ppjanar.
Il-membri tal-Korp tal-Pulizija jagħmlu xogħol diffiċli kuljum, imma jekk verament irridu Korp tal-Pulizija li jkun effettiv, irridu nagħtuh l-infrastruttura, ir-riżorsi, il-personnel u l-ippjanar li għandu bżonn biex jagħmel xogħlu. Ma nistgħux nitolbu aktar mill-Pulizija waqt li l-Gvern jonqos milli jippjana anki fejn għandha tkun qed topera Għassa Distrettwali li sservi aktar minn 70,000 ruħ.
Il-pajjiż għandu bżonn politika serja ta’ sigurtà interna li tantiċipa l-problemi, mhux amministrazzjoni li tirreaġixxi għalihom wara li jkunu nqalgħu. Għalhekk il-Gvern għandu jgħid illum jekk għandux sit alternattiv konkret għall-Għassa Prinċipali ta’ Birkirkara u, jekk għandu, għandu jgħid fejn hu u meta se jkun operattiv.
Is-sigurtà tal-poplu tagħna ma tinbeniex bil-filmati fuq il-media soċjali. Tinbena bil-preżenza reali fit-toroq, b’għases aċċessibbli, b’Pulizija li għandhom ir-riżorsi meħtieġa u bi gvern li jippjana minn qabel.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-kejl veru mhuwiex kemm il-Gvern jirnexxilu jagħti l-impressjoni li kollox sejjer tajjeb, iżda jekk il-poplu tagħna effettivament iħossux sigur f’pajjiżu stess.
Conrad Borg Manché
Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà
14.08.2026