It-trasport ta’ għada ma nistgħux nibqgħu nippruvaw insolvuh bis-soluzzjonijiet tal-bieraħ
Jekk irridu nnaqqsu t-traffiku, irridu nagħtu lin-nies alternattivi aħjar. U jekk irridu alternattivi aħjar, irridu nkunu lesti nużaw it-teknoloġija ta’ għada illum.
Il-proġett pilota tal-ewwel xarabank awtonoma f’Malta, li bħalissa qed tiġi ttestjata f’San Lawrenz, Għawdex, huwa pass interessanti u pożittiv lejn sistema ta’ trasport pubbliku aktar moderna, intelliġenti u sostenibbli.
Din l-inizjattiva, li qed titwettaq minn Malta Public Transport flimkien mal-Università ta’ Malta u l-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli, bħala parti mill-proġett Ewropew metaCCAZE, turi kif ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jintużaw biex jindirizzaw problemi konkreti fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-vettura hija kompletament elettrika u tuża teknoloġiji bħall-LiDAR, cameras, GPS u Artificial Intelligence biex taqra l-ambjent ta’ madwarha u timxi fuq rotta stabbilita. F’dan l-istadju pilota jibqa’ jkun hemm ukoll operatur imħarreġ abbord għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Dan huwa eżattament it-tip ta’ innovazzjoni li Malta għandha tkun qed tħares lejha.
F’pajjiż żgħir, bi pressjoni dejjem tikber fuq it-toroq u fuq is-sistema tat-trasport pubbliku, it-teknoloġija trid tintuża biex is-servizz isir aktar effiċjenti, frekwenti u affidabbli. Fl-istess waqt, tista’ tgħinna nżidu l-produttività u ma nibqgħux nindirizzaw kull nuqqas ta’ ħaddiema billi sempliċement inkabbru l-forza tax-xogħol.
L-awtomazzjoni mhijiex sostitut għall-ħaddiem. Anzi għandha tkun għodda li tippermettilna nużaw il-ħaddiema fejn il-kontribut tagħhom huwa l-aktar meħtieġ, filwaqt li t-teknoloġija tieħu rwol akbar fejn dan jista’ jsir b’mod sigur u effiċjenti.
Din il-viżjoni taqbel ukoll mad-direzzjoni li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista: sistema ta’ mobbiltà moderna u integrata li tagħmel użu mit-teknoloġija, minn sistemi ġodda ta’ trasport tal-massa sa integrazzjoni diġitali u taħriġ f’ħiliet ġodda tal-mobbiltà. Il-proposti tal-PN jinkludu wkoll investiment fl-iżvilupp ta’ ħiliet ta’ ħaddiema Maltin fit-teknoloġiji tat-trasport, fost l-oħrajn, sabiex tonqos id-dipendenza fuq kompetenza barranija fit-tul.
Iżda dan il-proġett għandu jkun il-bidu, mhux esperiment iżolat.
Għandna naraw fejn teknoloġiji bħal dawn jistgħu jintużaw fil-futur għal feeder services, rotot qosra, park-and-ride facilities, mobility hubs, kampus, sptarijiet u lokalitajiet fejn servizz tradizzjonali b’xarabank kbira mhux dejjem ikun l-aktar effiċjenti.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jappoġġa din l-inizjattiva u jirrikonoxxi l-ħidma tal-entitajiet kollha involuti.
Jekk irridu nnaqqsu t-traffiku, irridu nagħtu lin-nies alternattivi aħjar. U jekk irridu alternattivi aħjar, irridu nkunu lesti nużaw it-teknoloġija ta’ għada illum.
Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbilta Sostenibbli
George Vital Zammit
Kelliem għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
19.08.2026