Il-Gvern qed jonqos li jassigura l-aħjar kura lill-pazjenti
Minħabba n-nuqqas ta’ serjetà li biha dan il-Gvern ittratta l-qasam tas-saħħa fl-aħħar tlettax il-sena, kuljum il-ħaddiema fi ħdan l-isptar iridu jaraw huma kif se jsolvu l-problema ta’ spazju.
Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Gvern għandu jsolvi l-problemi ta’ spazju fil-wards għall-mard infettiv u tas-saħħa mentali; ma jistax ikun li l-problemi li ħoloq il-Gvern isolvuhom il-ħaddiema tas-saħħa
Il-kriżi fl-Isptar Mater Dei m’għadhiex waħda staġjonali.
Minkejja li ninsabu f’nofs is-sajf, dak li baqa’ l-uniku sptar ġenerali f’pajjiżna mhux qed ilaħħaq, bir-riżultat li l-pazjenti ma jistgħux jingħataw l-aħjar kura kif jixirqilhom.
Minħabba n-nuqqas ta’ serjetà li biha dan il-Gvern ittratta l-qasam tas-saħħa fl-aħħar tlettax il-sena, kuljum il-ħaddiema fi ħdan l-isptar iridu jaraw huma kif se jsolvu l-problema ta’ spazju.
Li kieku l-Gvern Laburista kien kapaċi jwettaq dak li kien wiegħed għaxar snin ilu b’St Lukes, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, kieku llum m’għandniex dawn il-problemi.
Fl-aħħar jiem rajna kif pazjenti b’mard infettiv, li suppost jinżammu f’wards iżolati – kemm għas-saħħa tagħhom kif ukoll ta’ oħrajn – spiċċaw kellhom jitqegħdu f’wards ma’ nies oħra.
Din is-sitwazzjoni hija waħda simili għal dik ta’ pazjenti li jidħlu l-isptar bi problemi ta’ saħħa mentali, fejn dawk li għandhom bżonn kura akuta qed jitqegħdu fl-istess kamra ma’ pazjenti bi problemi inqas akuti.
Dawn huma sitwazzjonijiet li joħolqu stress kbir kemm fuq il-pazjent rikoverat fl-isptar, kif ukoll fuq il-qraba tiegħu u l-professjonisti tas-saħħa, li jkunu jafu li din mhix il-prassi li għandha tintuża. Iżda minħabba li l-Gvern ilu jitfa’ l-problemi f’dan il-qasam taħt it-tapit, iridu u ma jridux ikollhom isibu huma soluzzjoni għalihom.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex itaffi l-pressjoni minn fuq il-professjonisti tas-saħħa u jara li l-pazjent jieħu l-aħjar kura. Dan billi b’mod immedjat isolvi kemm in-nuqqas ta’ spazju fil-wards għall-infezzjonijiet infettivi kif ukoll dak tas-saħħa mentali biex il-pazjenti jingħataw kura effettiva u b’dinjità.
Il-professjonisti tagħna diġà qed ilaħħqu ma’ ferm aktar pazjenti min-normal minħabba ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni u m’għandhomx ikunu huma li jaraw kif isolvu l-problemi li ħoloq il-Gvern.
Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa
23.08.2026