Il-PN jistenna impenn aktar konkret fl-edukazzjoni mill-Gvern permezz ta’ aktar riżorsi, investiment u pjan ċar fit-tul
Jeħtieġ li l-Gvern juri li l-edukazzjoni hija prijorità anke permezz tal-budget li jalloka għaliha
L-ekonomija ta’ Malta kompliet tikber fl-aħħar snin, Iżda l-investiment fl-edukazzjoni ma żammx l-istess pass. U dan mhux sempliċement nuqqas ta’ ambizzjoni: hija għażla politika li qed tħalli lit-tfal, lill-edukaturi u lill-iskejjel tagħna lura.
Skont il-Eurostat, fl-2023 Malta nefqet 4.1% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fuq l-edukazzjoni, taħt il-medja tal-UE ta’ 4.7%. Din iċ-ċifra tkejjel in-nefqa tal-Gvern f’dak kollu li hu marbut mal-edukazzjoni. Għalkemm l-edukazzjoni tieħu sehem relattivament għoli mill-infiq totali tal-Gvern, Malta xorta tinvesti inqas fl-edukazzjoni, meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija tagħha, mill-medja tal-UE.
Statistika oħra tal-Eurostat, li tħares lejn in-nefqa pubblika mill-edukazzjoni bikrija sa dik terzjarja, tpoġġi lil Malta għal 3.4% tal-PDG – it-tielet post mill-aħħar fl-UE.
Dan mhux riżultat li nistgħu naċċettaw. Jekk l-ekonomija kibret, allura l-investiment fl-edukazzjoni għandu jikber magħha, mhux jibqa’ lura. Kull ewro li ma ninvestux fl-iskejjel, fl-edukaturi, fl-appoġġ lill-istudenti u fil-kwalità tat-tagħlim huwa opportunità mitlufa għall-ġenerazzjoni li jmiss.
Għalhekk, il-mistoqsija vera hi din: fid-dawl tat-tkabbir tal-ekonomija Maltija, għaliex il-Gvern mhux qed jinvesti aktar mill-ġid li qed jinħoloq fit-tfal tagħna, fl-edukaturi u fl-iskejjel tagħna?
L-Oppożizzjoni qed titlob impenn ċar: aktar riżorsi għall-edukazzjoni, pjan fit-tul għall-iskejjel u l-edukaturi, u investiment li jlaħħaq mal-ambizzjonijiet ta’ pajjiżna. Malta ma tistax tkompli tiftaħar bit-tkabbir ekonomiku waqt li żżomm l-edukazzjoni lura.
Wasal iż-żmien li l-edukazzjoni ssir prijorità nazzjonali vera – mhux biss bil-kliem, iżda fil-budget u fl-azzjonijiet konkreti tal-Gvern.
Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza
Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi
26.08.2026