Il-Partit Nazzjonalista jiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Liġi tal-Ugwaljanza u l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Partit Nazzjonalista qed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni miftuħ dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jistabbilixxi t-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.

Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-imsieħba soċjali, lill-għaqdiet u lill-pubbliku jippreżentaw il-proposti tagħhom biex riforma tant importanti tinbena fuq konsultazzjoni serja u kunsens wiesgħa

Il-Partit Nazzjonalista qed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni miftuħ dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jistabbilixxi t-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.

Permezz ta’ pjattaforma apposta, l-imsieħba soċjali, l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, l-esperti, il-professjonisti, il-komunitajiet milquta u kull persuna interessata jistgħu jibagħtu l-fehmiet, it-tħassib u l-proposti tagħhom dwar ir-riforma.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, fl-ugwaljanza u fil-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni. Jemmen ukoll fil-ħtieġa ta’ Kummissjoni Nazzjonali b’saħħitha, indipendenti u imparzjali, li jkollha l-fiduċja tal-pubbliku u li tkun tista’ twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha mingħajr indħil politiku.

Iżda liġi li taffettwa d-drittijiet fundamentali, lill-ħaddiema u lil min iħaddem, lill-istituzzjonijiet edukattivi, lin-negozji, lill-professjonisti u lis-soċjetà kollha ma tistax titfassal u tgħaddi bl-għaġla u mingħajr konsultazzjoni ġenwina.

F’Lulju li għadda, il-Gvern ipprova jgħaddi dan l-Abbozz ta’ Liġi minn stadji parlamentari kruċjali fi ftit jiem, ftit qabel ma l-Parlament jieqaf għall-perjodu tas-sajf. Dan minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni u ta’ numru kbir ta’ għaqdiet, fosthom imsieħba soċjali, għaqdiet tad-drittijiet tal-bniedem, rappreżentanti ta’ min iħaddem, unions, skejjel tal-Knisja u korpi professjonali, li talbu aktar żmien għal analiżi u konsultazzjoni xierqa.

Il-Gvern injora dawn l-appelli u baqa’ jinsisti li jressaq l-Abbozz għall-vot finali. L-Abbozz ma kisibx il-maġġoranza ta’ żewġ terzi meħtieġa u għalhekk ma għaddiex mill-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista issa qed jagħmel dak li l-Gvern naqas milli jagħmel: jisma’.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu l-għan li jiġbor firxa wiesgħa ta’ esperjenzi u proposti konkreti dwar, fost oħrajn, l-indipendenza u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, il-proċeduri ta’ investigazzjoni u rimedju, iċ-ċertezza legali u l-impatt prattiku tal-liġi fuq setturi differenti.

Il-kontributi kollha se jiġu studjati mill-Partit Nazzjonalista u se jgħinu fit-tfassil tal-pożizzjoni tiegħu u tal-emendi li jistgħu jitressqu meta l-proċess leġiżlattiv jerġa’ jibda.

Kull min jixtieq jgħaddi l-proposti tiegħu jista’ jagħmel dan fuq dan il-link sa nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru 2026.

Riforma serja ma tinbeniex billi l-Gvern jiddeċiedi minn qabel u mbagħad jistenna li kulħadd jaċċetta. Tinbena permezz tad-djalogu, tal-għarfien ta’ min jaħdem f’dan il-qasam u ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta’ kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jistieden lil kull min għandu interess f’din ir-riforma biex jieħu sehem f’dan il-proċess u jwassal il-proposti tiegħu permezz tal-pjattaforma ta’ konsultazzjoni.

Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili

26.08.2026