Ebda tmiem għall-kriżi tal-elettriku: la dawl, la kumpens u lanqas responsabbiltà politika
Wasalna fl-aħħar ta’ Awwissu u, kuntrarju għal dak kollu li pprova jwiegħed u jpinġi l-Gvern, il-kriżi fid-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna għadha magħna u l-problemi baqgħu ma ssolvewx.
Wegħdi fiergħa, qtugħ kontinwu u tbatija għall-familji u n-negozji, waqt li l-Gvern jibqa’ jiddefendi l-inkompetenza u jaħrab mid-dibattitu u mill-kumpens
Wasalna fl-aħħar ta’ Awwissu u, kuntrarju għal dak kollu li pprova jwiegħed u jpinġi l-Gvern, il-kriżi fid-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna għadha magħna u l-problemi baqgħu ma ssolvewx.
F’dawn l-aħħar ġranet biss, residenti, negozji u familji fil-Mosta, Ħal Tarxien, iż-Żejtun, il-Fgura, Raħal Ġdid, Santa Luċija u San Ġiljan, fost ħafna oħrajn, għaddew minn tbatijiet kbar hekk kif qattgħu sigħat twal bla dawl, b’uħud minnhom iqattgħu saħansitra aktar minn ġurnata sħiħa f’din is-sitwazzjoni inaċċettabbli.
Il-kriżi laħqet livelli ta’ qsim il-qalb meta anke dar tal-anzjani fil-Gżira tħalliet għal nofstanhar sħiħ bla provvista tal-elettriku, b’sitwazzjoni fejn l-anzjani lanqas biss seta’ jsirilhom l-ikel, filwaqt li wħud minnhom kellhom jittieħdu mill-qraba d-dar għax ma felħux aktar. Barra minhekk, diversi stabbilimenti u negozji ma kellhomx għażla oħra ħlief li jwaqqfu l-operat u jibqgħu magħluqa.
Dan kollu qed iseħħ wara sensiela ta’ wegħdi fiergħa li l-problemi kienu se jissolvew u wara li l-Ministru Miriam Dalli ftaħret b’nefqa ta’ €140 miljun fl-aħħar tliet snin, li xorta ma tatx jidher li kien ta’ serħan il-moħħ lin-nies.
Minkejja din l-istraġi u l-kroll kontinwu fis-sistema, Miriam Dalli baqgħet ma refgħetx ir-responsabbiltà politika għal dan il-falliment, filwaqt li:
- Robert Abela u l-Gvern Laburista qed jibqgħu jibżgħu u jirrifjutaw li jiddiskutu u jressqu għall-vot il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru biex terfa’ r-responsabbiltà politika għal dan il-falliment;
- Il-Membri Parlamentari tal-Gvern fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) irrifjutaw li jiddiskutu r-rapport tal-Awditur Ġenerali (NAO) ta’ sentejn ilu, li b’mod ċar indika n-nuqqas ta’ pjan u investiment adegwat fil-grid matul l-10 snin ta’ qabel;
- S’issa għadna ma smajna xejn konkret dwar il-kumpens mistħoqq u ġust li kellu jingħata lil dawk kollha – familji, anzjani u negozji – li għaddejjin minn din it-tbatija u qed iġarrbu telf finanzjarju u inkonvenjent kbir. Kumpens li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq li għandu jidħol fil-liġi biex jingħata b’mod awtomatiku mill-operatur lil dawk kollha li jonqoshom is-servizz.
Il-poplu Malti u Għawdxi xeba’ bl-iskużi, bil-paroli u bit-tberbiq ta’ fondi bla riżultati. Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinsisti li:
- Tinġarr ir-responsabbiltà politika mill-Ministru Miriam Dalli.
- Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ma jibqax jiġi mblukkat milli jiġi diskuss fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, xi ħaġa li qatt qabel ma ġrat;
- Jitwaqqaf helpline dedikat għal persuni vulnerabbli li l-qtugħ ta’ dawl qed jipperikolalhom saħħithom;
- Jiddaħħal qafas regolatorju ta’ kumpens awtomatiku u trasparenti għall-konsumaturi u n-negozji kollha milquta minn dan il-qtugħ kontinwu;
- Jingħata rendikont sħiħ u dettaljat tan-nefqa ta’ €140 miljun li kellha tipprevjeni din il-kriżi;
- Jiġu pubblikati l-kontijiet awditjati tal-Enemalta mill-2022 ‘il quddiem.
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
27.08.2026