Għall-Gvern, il-Kunsilli Lokali ta’ Għawdex huma tat-tieni klassi

Il-Gvern, b’risposta għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fuq fondi li se jibbenefikaw minnhom il-Kunsilli Lokali, ikkonferma li l-iskema hija msejsa fuq ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali, kif ukoll li minn din l-iskema se jibbenefikaw biss Kunsilli Lokali f’Malta,filwaqt li l-Kunsilli Lokali f’Għawdex se jibqgħu b’xejn.

L-iskema ta’ xogħlijiet li ħabbar il-Gvern ma tapplikax għall-Kunsill Lokali Għawdxin; il-Ministru oriġinarjmanet stiednet lill-Kunsilli Lokali Għawdxin għall-konferenza tal-aħbarijiet imma xorta ħalliethom b’xejn

Il-Gvern, b’risposta għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fuq fondi li se jibbenefikaw minnhom il-Kunsilli Lokali, ikkonferma li l-iskema hija msejsa fuq ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali, kif ukoll li minn din l-iskema se jibbenefikaw biss Kunsilli Lokali f’Malta,filwaqt li l-Kunsilli Lokali f’Għawdex se jibqgħu b’xejn.

Oriġinarjament, Alison Zerafa Civelli kienet stiednet lill-Kunsilli Lokali Għawdxin għat-tnedija tal-iskema ta’ fondi għall-Kunsilli, imma dawn xorta ġew esklużi.

Din mhijiex kwistjoni teknika jew amministrattiva. Din hija deċiżjoni politika li turi għal darb’oħra kif dan il-Gvern qed jittratta lil Għawdex.

Filwaqt li l-Kunsilli Lokali f’Malta se jkollhom aċċess għal fondi diretti biex jitwettqu xogħlijiet u proġetti fil-lokalitajiet tagħhom, il-Kunsilli Lokali Għawdxin se jibqgħu jiddependu fuq il-Ministeru għal Għawdex sabiex jimplimentaw proġetti simili.

Il-Ministeru għal Għawdex ma ħareġ l-ebda skema biex Kunsilli f’Għawdex jieħdu fondi għal progetti infrastrutturali fil-lokalitajiet tagħhom.

Il-Gvern ma weġibx lanqas il-mistoqsijiet tal-Partit Nazzjonalista dwar kemm huwa verament l-ammont ta’ fondi allokati f’din l-iskema u kif se jitqassmu l-istess fondi.

Il-Gvern mhux kredibbli meta jgħid li jemmen fl-awtonomija tal-Kunsilli Lokali u, fl-istess ħin, iżomm il-kontroll fuq il-fondi u jħalli lill-Kunsilli Lokali Għawdxin kompletament dipendenti fuq il-Ministeru għal Għawdex.

Huma l-Kunsilli Lokali Għawdxin li jafu l-aħjar x’inhuma l-prijoritajiet tal-lokalitajiet tagħhom. Huma jafu l-aktar fejn hemm bżonn ta’ manutenzjoni, fejn hemm bżonn ta’ investiment fl-ispazji pubbliċi, liema toroq jeħtieġu interventi u x’inhuma l-ħtiġijiet tar-residenti tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq li l-Kunsilli Lokali Għawdxin għandhom jingħataw l-istess trattament bħall-Kunsilli Lokali f’Malta, b’finanzjament dirett, kriterji trasparenti u awtonomija vera sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu huma stess kif jinvestu fil-komunitajiet tagħhom.

Il-Gvern għandu għalhekk jagħti spjegazzjoni ċara dwar ir-raġuni li Għawdex ġie eskluż minn dawn il-fondi u għaliex qed jirrifjuta li jagħti lill-Kunsilli Lokali Għawdxin l-istess opportunità li qed jagħti lill-Kunsilli Lokali f’Malta.

Għawdex ma jistax jibqa’ jkun trattat bħala gżira tat-tieni klassi. Li Robert Abela jsemmi lill-Għawdxin qabel il-Maltin waqt xi diskors politiku ma jfisser xejn jekk imbagħad meta niġu għall-fatti, lill-Għawdxin jittrattahom daqslikieku ċittadini inferjuri.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex jara li l-Kunsilli Lokali f’Għawdex ikollhom aktar awtonomija, aktar riżorsi u aktar setgħa li jiddeċiedu għall-ġid tal-lokalità tagħhom huma stess.

Frank Anthony Tabone
Shadow Minister għal Għawdex

Bernice Bonello
Shadow Minister għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi

29.08.2026