Ħtieġa ta’ sens komun li jiggwida kull deċiżjoni relatata mar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir

Qabel ma wieħed jitkellem fuq l-infrastruttura, il-viżjoni trid tkun ċara fejn umbagħad isiru studji serji u bbażati fuq data konkreta. - konsultazzjoni aktar wiesgħa bi prijoritajiet ċari u ippjanar iddettaljat kemm għal benefiċċju tal-Port il-Kbir kif ukoll għal pajjiżna.

Ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir hija opportunità kbira għal pajjiżna. Iżda hemm prinċipju sempliċi ta’ sens komun li għandu jigwida kull deċiżjoni.

L-ewwel irridu nkunu nafu eżattament x’se jkollu bżonn is-settur marittimu fejn tidħol b’mod speċjali s-sigurtà tal-provvista tal-prodotti essenzjali li għandu bżonn pajjiżna biex ikompli jiffunzjona u jibqa’ kompettiitv fis-suq, fejn ikompli jikber u jespandi. Umbagħad għandna niddeċiedu kif għandu jintuża u jiġi żviluppat l-ispazju tal-Port. Mhux bil-kontra.

Il-Port il-Kbir mhuwiex biss waterfront. Huwa infrastruttura nazzjonali kritika u wieħed mill-aktar assi strateġiċi ta’ pajjiż gżira bħal Malta. Minnu jiddependu l-operazzjonijiet tal-cargo u Ro-Ro, ferries, cruise operations, ship repair, bunkering, pilotage, towage u diversi servizzi oħrajn li huma parti integrali mill-ekonomija, mill-konnettività u mir-reżiljenza nazzjonali tagħna.

Hu għalhekk li ma nistgħux innaqqsu, nikkompromettu jew nallokaw b’mod irriversibbli spazju li fil-futur jista’ jkun essenzjali għall-operat u t-tkabbir tas-settur marittimu qabel ma jkollna stampa ċara, dettaljata u bbażata fuq id-data tal-ħtiġijiet tal-pajjiż.

Dan isir aktar importanti meta l-industrija qed tinbidel b’pass mgħaġġel. Il-bastimenti qed jikbru fid-daqs u dan ifisser bżonn ta’ aktar fond, aktar turning space, mollijiet aktar b’saħħithom u sistemi aktar avvanzati ta’ traffic management. Fl-istess waqt, it-tranżizzjoni lejn fuels alternattivi, shore power u sistemi ġodda ta’ bunkering se titlob aktar flessibbiltà u spazju, mhux inqas.

Għalhekk, qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tkun diffiċli jew impossibbli li titreġġa’ lura, jeħtieġ li jkun hemm aktar konsultazzjoni mas-settur, aktar studji indipendenti, aktar data u ippjanar ferm aktar dettaljat u olistiku. Dan kollu għandu jsir qabel ma jibda kwalunkwe xogħol li jista’ jillimita jew jaffettwa l-kapaċità futura tal-Port.

Dan għandu jinkludi Nautical Risk Assessments, studji dwar quay occupancy u port capacity, vessel manoeuvring u traffic flows, dredging, quay reinforcement, logistics, l-impatt fuq l-operaturi eżistenti u pjanijiet konkreti għal kwalunkwe rilokazzjoni. Fejn operatur ikollu jiċċaqlaq, l-alternattiva trid tkun adegwata u kompletament operattiva qabel ma jintilef l-ispazju li qed jintuża llum.

Anke l-Malta Maritime Forum, wara konsultazzjoni mal-membri tiegħu u bħala vuċi ewlenija tas-settur marittimu, insista wkoll fuq “holistic long-term planning”, “independent Nautical Risk Assessments” u “s-salvagwardja tal-kontinwità tal-operazzjonijiet eżistenti”.

Il-MMF saħaq ukoll li l-iżvilupp tal-Port il-Kbir għandu jipproteġi l-funzjonijiet kummerċjali u strateġiċi tiegħu, iżomm il-flessibbiltà meħtieġa għall-ħtiġijiet futuri u jiżgura soluzzjonijiet adegwati għall-operaturi qabel kwalunkwe rilokazzjoni.

Dan mhux argument kontra r-riġenerazzjoni. Huwa argument favur riġenerazzjoni responsabbli u biex ma nagħmlux żball strateġiku li ma jkunx jista’ jissewwa.

Il-Port il-Kbir għandu jservi lil Malta mhux biss illum, iżda għal 20, 30 u 50 sena oħra.

Qabel ma wieħed jitkellem fuq l-infrastruttura, il-viżjoni trid tkun ċara fejn umbagħad isiru studji serji u bbażati fuq data konkreta. Konsultazzjoni aktar wiesgħa bi prijoritajiet ċari u ippjanar iddettaljat kemm għal benefiċċju tal-Port il-Kbir kif ukoll għal pajjiżna.

Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli

Julie Zahra
Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir

29.08.2026