Il-PN jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Istandards li sab lill-Ministru Chris Bonett ħati ta’ ksur tal-Kodiċi tal-Etika

Il-PN jappella lill-Gvern biex mingħajr aktar dewmien jadotta l-linji gwida tal-Kummissarju għall-Istandards għax sakemm jibqa’ ma jagħmilx dan, ikun qed jikkonferma li qed ikompli jkaxkar saqajh apposta biex fejn jidħol reklamar b’fondi pubbliċi l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu li jridu.

Fl-istess ħin jesprimi diżappunt għall-fatt li l-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh biex jagħti saħħa legali lil-linji gwida dwar ir-reklamar u materjal promozzjonali biex il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jibqgħu jagħmlu li jridu

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li jadotta r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab lill-Ministru Chris Bonett ħati ta’ ksur tal-Kodiċi tal-Etika, wara l-ilment imressaq mid-Deputati tal-PN Mark Anthony Sammut u Joe Giglio.

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ġie adottat wara li fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Parlament li saret ilbieraħ, iż-żewġ membri nominati mill-Prim Ministru – il-Ministri Byron Camilleri u Jonathan Attard – astjenew, waqt li ż-żewġ membri sostituti nominati mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Paula Mifsud Bonnici u Michael Piccinino, ivvutaw favur.

Dan il-każ kien jittratta stqarrija mimlija attakki partiġjani u allegazzjonijiet bla bażi li l-Ministru kien ħareġ permezz tad-Dipartiment għall-Informazzjoni tal-Gvern (DOI), minkejja numru ta’ każi preċedenti fejn il-Kummissarju kien ġibed l-attenzjoni ta’ Ministri oħrajn li stqarrijiet permezz tad-DOI għandhom ikunu oġġettivi u m’għandhomx jittrattaw kontenut partiġjan.

Filwaqt li Ministri oħra kienu għamlu apoloġija u taw kelma li dawn il-każi ma jirrepetux ruħhom, il-Ministru Bonett webbes rasu u baqa’ ma jagħrafx jagħmel differenza bejn ir-rwol tiegħu ta’ Ministru, u dik ta’ membru ta’ partit politiku.

Min-naħa l-oħra l-PN ma jistax ma jesprimix id-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh biex jagħti saħħa legali lil-linji gwida li kien ħareġ l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards dwar kif għandu jiġi interpretat il-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari fejn jidħlu reklami u materjal promozzjonali tal-Gvern.

Dan qed iwassal biex rapporti tal-istess Kummissarju li jikkonċernaw abbuż minn reklamar tal-Gvern li jsir minn Ministri u Segretarji Parlamentari ma jiġux adottati mill-Kumitat tal-Parlament dwar l-Istandards, bl-iskuża li l-linji gwida dwar ir-reklamar mhumiex liġi.

Hekk reġa’ ġara lbieraħ fl-istess laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li kellu quddiemu tliet rapporti dwar reklamar abbużiv mill-Gvern.

Id-deċiżjoni tal-Ispeaker Carmelo Abela kienet li jkompli fuq il-passi tal-predeċessur tiegħu u jivvota kontra dawn it-tliet rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Lura fl-2021, l-Ispeaker preċedenti kien astjena fuq rapport simili bl-iskuża li m’hemmx linji gwida li jistabbilixxu kriterji ċar dwar kif għandhom isiru reklami tal-Gvern mingħajr ma ssir pubbliċità personali tal-Ministri.

Kien biss ftit xhur wara dan li l-Kummissarju għall-Istandards preċedenti kien ippubblika d-dokument b’linji gwida ċari ta’ kif għandu jiġi interpretat il-Kodiċi tal-Etika f’dan ir-rigward – dokument li kien ġie iċċirkolat lill-Parlament kollu, u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għalih.

Minkejja dan, anke wara li saru l-linji gwida, kemm l-Ispeaker preċedenti Anġlu Farrugia u issa anke l-Ispeaker preżenti Carmelo Abela, ivvutaw kontra kull rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab ksur ta’ etika minn Ministri jew Segretarji Parlamentari li użaw fondi pubbliċi għal reklami u promozzjoni personali. Bl-iskuża tkun li dawn il-linji gwida m’għandhomx saħħa legali.

Fl-istess ħin, ma sar l-ebda pass min-naħa tal-Gvern biex jekk il-Ministri tiegħu mhumiex kapaċi jinterpretaw il-Kodiċi tal-Etika fejn jidħlu reklami u materjal promozzjonali, dawn il-linji gwida jsiru parti mill-Kodiċi nnifsu.

Dan ħoloq sitwazzjoni fejn il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għandhom carte blanche biex jinjoraw il-Kodiċi tal-Etika f’dan ir-rigward, għax jafu li l-Kumitat permezz tal-Ispeaker qiegħed dejjem iwaqqa’ r-rapport, anke meta l-Kummissarju jsib ħtija. U filwaqt li wħud mill-Ministri f’rapporti simili għamlu apoloġija minn jeddhom u kien hemm każi fejn anke rrifondew il-flus lura, oħrajn baqgħu jirrepetu dan l-abbuż f’rapport wara l-ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora din is-sitwazzjoni, li tkompli toħloq żbilanċ ċar fl-użu tal-għodda tal-Istat u l-fondi pubbliċi fit-tħaddim tad-demokrazija.

Jappella wkoll lill-Gvern biex mingħajr aktar dewmien jadotta l-linji gwida tal-Kummissarju għall-Istandards għax sakemm jibqa’ ma jagħmilx dan, ikun qed jikkonferma li qed ikompli jkaxkar saqajh apposta biex fejn jidħol reklamar b’fondi pubbliċi l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu li jridu.

01.09.2026