Irridu pajjiż ħieles, pajjiż li ma jibżax
AĦBAR

Irridu pajjiż ħieles, pajjiż li ma jibżax

Robert Abela ma jistax jaħrab mir-responsabbiltà billi jgħid li dak kien żmien ieħor. Dan għadu l-istess Gvern Laburista u din għadha sistema li tikkonċentra wisq poter f’idejn il-Prim Ministru. Il-bidla vera ma titkejjilx minn min qiegħed bilqegħda fuq is-siġġu, iżda minn kif jintuża l-poter.

Il-verdett tal-lum ma jagħlaqx il-kapitlu tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u wisq inqas jeħles lill-Istat mir-responsabbiltà politika għall-fallimenti serji li dgħajfu l-investigazzjoni

Irridu pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fl-ewwel reazzjoni għall-verdett tal-ġurati li sabu lil Yorgen Fenech mhux ħati taż-żewġ kapi ta’ akkużi miġjuba kontrih fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Alex Borg qal li llum, l-ewwel ħsieb tal-Partit Nazzjonalista jmur lejn Peter, Matthew, Andrew u Paul, lejn il-ġenituri ta’ Daphne Caruana Galizia u lejn il-familja kollha tagħha.

Kważi disa’ snin wara li nqatlet mara, omm, bint u ġurnalista, il-familja tagħha għadha mingħajr ġustizzja sħiħa dwar min ordna l-assassinju tagħha. Wara snin ta’ investigazzjonijiet, inkjesti u proċessi ġudizzjarji, illum il-ġustizzja ma waslitx fejn kellha tasal – la għall-familja ta’ Daphne u lanqas għal pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jirrispetta l-verdett tal-ġurati u l-prinċipju fundamentali tas-saltna tad-dritt: ħadd ma jista’ jinstab ħati jekk il-każ kontrih ma jiġix ippruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Iżda r-rispett lejn il-verdett ma jfissirx silenzju quddiem il-mistoqsijiet gravi li ħarġu matul il-ġuri. Il-pajjiż għandu d-dritt jistaqsi kif, kważi disa’ snin wara assassinju li heżżeż nazzjon sħiħ, l-Istat ma rnexxilux iwassal għal kundanna tal-persuna mixlija li kkummissjonat il-qtil. Għandu d-dritt ikun jaf fejn tinsab il-verità kollha u min se jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li mar ħażin.

Tul il-ġuri, il-Partit Nazzjonalista għażel il-kawtela biex il-ġurati jiddeċiedu huma biss fuq l-evidenza quddiemhom. Issa li l-ġuri ntemm, il-Partit Nazzjonalista għandu d-dmir jitkellem dwar dak li sema’ l-pajjiż.

Smajna dwar investigazzjoni mdawra b’mistoqsijiet serji: uffiċjal għoli li tneħħa minħabba kunflitt ta’ interess, evidenza elettronika importanti li ma ġietx elevata u suspett ta’ ħruġ ta’ informazzjoni li l-investigaturi stess talbu li jiġi investigat.

Dawn mhumiex dettalji żgħar. Kemm evidenza ntilfet u kemm toroq investigattivi ma ġewx segwiti fil-ħin? Kemm kienet tkun differenti l-pożizzjoni tal-Prosekuzzjoni kieku mill-ewwel jum kellna istituzzjonijiet indipendenti, ħielsa mill-kunflitti u mill-pressjoni tal-poter?

L-Inkjesta Pubblika kienet sabet li mill-ogħla livelli tal-amministrazzjoni nħolqot kultura ta’ impunità u li l-Istat kien responsabbli li ħoloq l-ambjent li wassal għat-twettiq ta’ dan id-delitt. Madankollu, ħames snin wara, ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għadhom ma twettqux kollha.

Robert Abela ma jistax jaħrab mir-responsabbiltà billi jgħid li dak kien żmien ieħor. Dan għadu l-istess Gvern Laburista u din għadha sistema li tikkonċentra wisq poter f’idejn il-Prim Ministru. Il-bidla vera ma titkejjilx minn min qiegħed bilqegħda fuq is-siġġu, iżda minn kif jintuża l-poter.

Ħadd ma għandu juża l-verdett bħala ċertifikat li “l-istituzzjonijiet ħadmu”. Il-ġurija u l-Qorti għamlu xogħolhom. Il-mistoqsija politika hija jekk l-Istat għamilx xogħlu mill-ewwel jum. Illum hemm raġunijiet serji ħafna biex jintalab kont.

Il-kapitlu ta’ Daphne ma ngħalaqx. Ma jingħalaqx sakemm il-familja tagħha jkollha l-verità kollha, sakemm inkunu nafu jekk xi fallimenti jew kunflitti dgħajfux l-investigazzjoni u sakemm kull min kellu sehem kriminali jiffaċċja l-ġustizzja

Il-Partit Nazzjonalista ma jaċċettax pajjiż fejn il-kuntatti, il-flus jew il-poter jagħtu vantaġġ fuq iċ-ċittadin.

Irridu Pulizija ħielsa li tinvestiga lil kulħadd, ġudikatura ħielsa minn kull pressjoni, ġurnalisti li jaħdmu mingħajr intimidazzjoni u istituzzjonijiet aktar b’saħħithom minn kwalunkwe gvern.

Mal-familja ta’ Daphne għandna dejn ta’ verità, responsabbiltà u ġustizzja. L-ebda verdett ma jista’ jġib lil Daphne lura, iżda lanqas jista’ jħassar il-mistoqsijiet li wasslu lil pajjiżna s’hawn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li “aħna mhux se naqtgħu qalbna. Se nibqgħu nfittxu l-verità, nitolbu r-responsabbiltà u naħdmu biex qatt aktar il-poter politiku ma jaħkem istituzzjoni li għandha tkun tal-poplu”.

Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, Alex Borg ħabbar dimostrazzjoni silenzjuża għal-lejla li tibda quddiem il-Parlament u timxi lejn Kastilja. Protesta għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, għaliex f’dan kollu ma hemmx partiġjanizmu politiku,imma biss nuqqas kbir u inġustizzja.

Alex Borg temm jgħid “Irridu pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax”.

02.09.2026

  • Ara l-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg hawn.