Irridu Malta ħielsa, fejn il-verità toħroġ u l-istituzzjonijiet ikunu tassew indipendenti
AĦBAR

Irridu Malta ħielsa, fejn il-verità toħroġ u l-istituzzjonijiet ikunu tassew indipendenti

Wara li għamel ħames snin sħaħ ifixkel l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet imħallfin li mexxew l-Inkjesta Pubblika, illum Robert Abela reġa’ ġie l-Parlament biex iżomm dawn ir-rakkomandazzjonijiet fuq l-ixkaffa.

  • Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN iressaq fil-Parlament Mozzjoni li tobbliga lill-Gvern jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia sal-aħħar ta’ Ottubru – il-Gvern jirrifjuta li jiddibattiha, mhux lest jitkellem dwarha
  • Alex Borg jitlob ukoll garanzija pubblika għall-indipendenza assoluta tal-investigazzjonijiet dwar terzi persuni li jridu jkomplu fuq ordni tal-Imħallef wara dak li ħareġ fil-ġuri
  • Waqt is-seduta parlamentari mitluba mill-Opppożizzjoni, il-Kap tal-PN jappella lill-Prim Ministru biex, fl-interess nazzjonali, jagħżel in-naħa tal-poplu

“F’dan il-mument id-dmir tiegħi huwa wieħed: li nissalvagwardja l-interess nazzjonali, u hekk qed nagħmel, b’differenza għal ħaddieħor”.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt is-seduta urġenti tal-Parlament mitluba mill-Oppożizzjoni fid-dawl tal-aħħar żviluppi marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq Mozzjoni li li tobbliga lill-Gvern jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia sal-aħħar ta’ Ottubru, iżda l-Gvern mill-ewwel waqqaf id-diskussjoni u rrifjuta l-Mozzjoni.

Wara li għamel ħames snin sħaħ ifixkel l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet imħallfin li mexxew l-Inkjesta Pubblika, illum Robert Abela reġa’ ġie l-Parlament biex iżomm dawn ir-rakkomandazzjonijiet fuq l-ixkaffa.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li Robert Abela ma jistax jibqa’ jaħrab ir-responsabbiltà politika li għandu fuqu li jiżgura l-ġustizzja. Huwa qal li l-Prim Ministru ried jipprova jimplika li Mozzjoni li mhu qed titlob xejn aktar minn Stat li jiffunzjona, li jsaħħaħ il-ġustizzja u li jħares liċ-ċittadini tiegħu, hija xi Mozzjoni partiġjana. 

Alex Borg qal li l-poplu Malti u Għawdxi jinsab ixxukkjat b’dak li ħareġ fil-Qorti fl-aħħar ġimgħat u bil-fatt li, disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-familja tagħha u l-pajjiż għadhom ifittxu l-verità kollha u l-ġustizzja.

Hu qal li l-ewwel ħsibijiet tiegħu jibqgħu mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, familja li tilfet omm, bint u mart u li kellha tkompli tiġġieled għal ġustizzja li f’pajjiż demokratiku għandha tkun dritt fundamentali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li l-Inkjesta Pubblika sabet lill-Istat responsabbli għall-ħolqien ta’ klima ta’ impunità li ppermettiet li tinqatel ġurnalista, u saħaq li huwa inaċċettabbli li sal-lum għad hemm rakkomandazzjonijiet importanti tal-Inkjesta li għadhom ma ġewx implimentati.

Dawn jinkludu rakkomandazzjonijiet maħsuba biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità u biex tingħata protezzjoni aħjar lill-ġurnalisti.

Alex Borg saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-investigazzjonijiet ikomplu b’indipendenza assoluta. Huwa rrefera għall-ordni mogħtija mill-Qorti biex xhieda u materjal li ħarġu waqt il-ġuri u li jistgħu jirrigwardaw terzi persuni jiġu investigati, u talab lill-Prim Ministru jiggarantixxi pubblikament li din l-investigazzjoni tkun kompletament ħielsa minn kull indħil politiku.

“L-interess tal-poplu jiddetta li l-ġustizzja ssir permezz ta’ investigazzjonijiet serji u indipendenti, mingħajr indħil tal-politiku,” qal Alex Borg.

Alex Borg fakkar ukoll kif ftit tax-xhur ilu mħallef bagħat ittra lill-Kabinett fejn saħaq b’mod responsabbli li fuq l-għażla daqshekk importanti tal-Prim Imħallef, Robert Abela jagħti aktar importanza lill-kunsiderazzjonijiet politiċi milli lill-interess tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Malta għandha bżonn ħelsien veru tal-istituzzjonijiet tagħha: Pulizija ħielsa biex tinvestiga lil kulħadd; ġudikatura ħielsa minn pressjoni jew influwenza; ġurnalisti ħielsa biex jinvestigaw mingħajr intimidazzjoni; uffiċjali pubbliċi ħielsa biex jagħmlu xogħolhom mingħajr biża’; negozjanti li jirnexxu bil-ħila tagħhom u mhux bil-kuntatti; u ċittadini li jkunu jafu li quddiem il-liġi kulħadd huwa trattat l-istess.

“Irridu Malta ħielsa, pajjiż li jasal għall-verità. Dan għandu jkun pajjiż ħieles,” qal Alex Borg.

F’appell dirett lill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan huwa mument fejn l-interess nazzjonali għandu jitqiegħed qabel kull interess partiġjan.

“Qegħdin f’salib it-toroq. Qed noħroġlok l-id tal-ħbiberija fl-interess nazzjonali. Mhux għalija, mhux għalik, mhux għall-aħmar u mhux għall-blu, imma għalina l-Maltin u għalina l-Għawdxin. Agħżel it-triq tas-sewwa u ejja magħna, man-naħa tal-poplu,” temm jgħid Alex Borg.

Intant, il-Mozzjoni li Robert Abela rrifjuta li jiddibatti llum tobbliga lill-Gvern jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Inkjesta Pubblika li saret minn tliet imħallfin dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – rakkomandazzjonijiet li l-Gvern, ħames snin wara, għadu qed jirreżisti li jimplimenta.

Il-Mozzjoni tiddeplora d-dewmien fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u tesiġi li l-Gvern jobbliga ruħu li sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ottubru jkun implimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha ta’ din l-Inkjesta.

Il-poplu Malti u Għawdxi kien qed jistenna li llum ż-żewġ naħat tal-Kamra jingħaqdu fl-interess nazzjonali u japprovaw din il-Mozzjoni. Il-Gvern għażel mod ieħor.

04.09.2026

– Agħfas hawn biex taqra l-Mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg matul is-seduta parlamentari ta’ dalgħodu, u li l-Gvern irrifjuta li jiddibatti.