L-Istat tan-Nazzjon ma jistax jitkejjel biss mill-GDP imma wkoll mill-fiduċja tan-nies fl-Istat u l-istituzzjonijiet
Fid-diskors tiegħu, Alex Borg irrefera għall-verdett mogħti nhar l-Erbgħa fil-ġuri dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Huwa tenna li dan għandu jiġi rrispettat u li l-indipendenza tal-ġudikatura u l-preżunzjoni tal-innoċenza huma pedamenti li għandhom dejjem jiġu mħarsa.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jisħaq li l-Istat tan-Nazzjon mhux magħmul minn ċifri biss; Malta ma tistax titkellem dwar l-ekonomija mingħajr ma titkellem dwar l-integrità, jew dwar il-kwalità tal-ħajja mingħajr il-ġustizzja
Malta mhijiex biss statistika. Malta hija n-nies tagħha u l-Istat tan-Nazzjon tagħna ma jitkejjilx biss mill-GDP imma wkoll fuq kemm in-nies għandhom fiduċja fl-Istat u fl-istituzzjonijiet, minn kemm il-familji jħossuhom siguri u minn kemm il-ġurnalisti jħossuhom jistgħu jagħmlu xogħolhom bla biża’.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt id-diskors tiegħu fil-konferenza L-Istat tan-Nazzjon, preseduta mill-President ta’ Malta u li matulha ġie ppreżentat l-istudju annwali mħejji minn Lou Bondi flimkien mal-istatistiku Vincent Marmarà.
Alex Borg qal li l-istat tan-nazzjon ma jistax jitkejjel biss bit-tkabbir ekonomiku, bin-numru ta’ proġetti jew biċ-ċifri ppreżentati fir-rapporti. Jitkejjel ukoll bil-fiduċja li ċ-ċittadini għandhom fl-istituzzjonijiet, bil-libertà li biha ġurnalist jista’ jistaqsi u jinvestiga, u bis-serħan il-moħħ tal-familji li l-liġi tapplika l-istess għal kulħadd.
Fid-diskors tiegħu, Alex Borg irrefera għall-verdett mogħti nhar l-Erbgħa fil-ġuri dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Huwa tenna li dan għandu jiġi rrispettat u li l-indipendenza tal-ġudikatura u l-preżunzjoni tal-innoċenza huma pedamenti li għandhom dejjem jiġu mħarsa.
Madankollu, il-verdett ma jbiddilx il-fatt li, kważi disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-familja tagħha u l-poplu Malti għadhom jistennew il-verità u l-ġustizzja sħiħa.
“Malta tibqa’ b’ferita miftuħa fil-qalba tad-demokrazija tagħha. Li ninsistu fuq il-verità mhuwiex eżerċizzju ta’ konvenjenza politika, iżda d-dmir ta’ kull min jemmen li f’pajjiż Ewropew il-qtil ta’ ġurnalista ma jistax jibqa’ mingħajr responsabbiltà sħiħa,” qal Alex Borg.
Il-Kap tal-PN qal li Kastilja għandha tkun is-simbolu tal-ogħla servizz pubbliku u l-post minn fejn il-gvern jaħdem għall-ġid tan-nies. Qatt m’għandha ssir spazju fejn il-poter politiku u l-interessi privati jitħalltu flimkien, fejn il-mistoqsijiet jiġu msikkta jew fejn ir-responsabbiltà ma tinġarrx.
Hu fakkar li l-Inkjesta Pubblika sabet li l-Istat kellu jerfa’ r-responsabbiltà għall-ħolqien ta’ klima ta’ impunità li ffaċilitat l-assassinju. Din il-konklużjoni ma tistax tibqa’ f’rapport fuq xkaffa, kif qed jipprova jħalliha l-Gvern, iżda għandha twassal għal riforma serja, trasparenti u konkreta.
Alex Borg wissa li meta l-Gvern jipprova jaħtaf il-kontroll ta’ kollox, l-istituzzjonijiet ma jibqgħux għassa fuq il-poter, iżda jibdew iħarsu lil min hu fil-poter. Hu għalhekk li l-Pulizija, is-servizz pubbliku, ir-regolaturi u l-entitajiet pubbliċi qatt ma għandhom jiġu trattati bħala estensjoni tal-partit fil-gvern.
Is-saltna tad-dritt mhijiex tal-Partit Nazzjonalista, tal-Partit Laburista jew ta’ xi grupp partikolari. Hija tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tenna l-ħtieġa li r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika jitwettqu b’mod trasparenti u skont kalendarju ċar. Hu appella wkoll għal ħatriet pubbliċi ewlenin ibbażati fuq il-mertu, fuq protezzjoni effettiva għall-ġurnalisti u għal min jikxef l-abbuż, fuq regoli ċari kontra l-kunflitti ta’ interess, fuq istituzzjonijiet ħielsa mill-indħil politiku u fuq skrutinju parlamentari b’saħħtu li jżomm lill-Eżekuttiv responsabbli.
Alex Borg qal li s-saltna tad-dritt mhijiex kunċett astratt. Teffettwa lill-familja li ddum tistenna snin għal sentenza, lin-negozju ż-żgħir li jara regoli differenti għal min għandu l-kuntatti, liż-żagħżugħ li jħoss li futur irid ifittxu barra minn Malta u lil min jibża’ jirrapporta abbuż għax ma jafx min se jipproteġih.
Għalhekk, Malta ma tistax titkellem dwar l-ekonomija mingħajr ma titkellem dwar l-integrità, dwar il-kwalità tal-ħajja mingħajr il-ġustizzja, u dwar il-futur mingħajr ma tiddeċiedi x’tip ta’ pajjiż trid tkun.
“Dan huwa l-veru stat tan-nazzjon: mhux biss fejn ninsabu, iżda fejn irridu mmorru; mhux biss dak li għandna, iżda dak li nemmnu fih; mhux biss il-ġid li noħolqu, iżda l-ġustizzja li niggarantixxu,” qal Alex Borg.
Hu temm id-diskors tiegħu b’appell biex pajjiżna jibni futur fejn il-bniedem, il-libertà u l-ġustizzja jiġu dejjem qabel il-poter.
“Lil pajjiżna ma nibnuhx għal-lum biss. Nibnuh għal uliedna u għal ulied uliedna. Irridu Malta li ma tibżax tinbidel, li ma titlifx ruħha u li tifhem li l-verità mhijiex theddida, iżda l-pedament tal-fiduċja. Dik hija l-Malta li rridu nibnu flimkien.”
04.09.2026
